Id-dsatax ta’ Marzu, il-jum fejn ikun iċċelebrat il-Kult Ġużeppin f’pajjiżna. Għal dan il-għan, ONE News żar fit-toroq u qalb l-isqaqin Rabtin, u segwa din il-festa.
F’jum mill-isbaħ xemxi, il-Maltin bi ħġarhom fir-Rabat, flimkien mal-Ġużeppini ċċelebraw bil-kbir il-festa tal-qaddis patrun tagħhom.
Il-qubbajd, il-karamelli tal-ħarrub, il-peniti, l-isfineġ u ż-żeppoli, li huma tradizzjonali marbutin ma’ din il-festa, flimkien ma’ għadd ta’ statwi ta’ San Ġużeppi fi twieqi, iddominaw it-toroq ewlenin Rabtin.
Fil-Knisja ta’ Ġieżu tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fejn jinsab is-Santwarju iddedikat lil dan il-qaddis patrun tal-Knisja Universali ma kienx hemm fejn toqgħod labra.
Waqt il-Quddiesa Pontifikali li kien iċċelebrata b’solennità kbira mill-Arċikonfraternità li ġġib ismu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-omelija tiegħu tkellem dwar kif id-dinja kollha għandha bżonn tħaddan kultura tal-akkoljenza li tilqa’ u li tkun tassew inklussiva, fejn kulħadd, hu min hu, iħossu milqugħ, rispettat fid-dinjità tiegħu, apprezzat u protett.
Hu spjega kif San Ġużepp, li kien ġust u onest, għandu ħafna x’jgħallem lid-dinja tal-lum b’mod partikolari fejn jidħol il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem.
Fi knisja armata b’damask mill-ifjen, linef mill-iprem u tiżjin prezzjuz ieħor, għal din iċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tal-Istat fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u bosta membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Mill-qalba tar-Rabat tkellimna ma’ xi nies li ltqajna magħhom dwar id-devozzjoni f’pajjiżna lejn il-missier putattiv ta’ Sidna Ġesù Kristu, San Ġużepp.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia ħadu l-okkazzjoni li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ dawk kollha preżenti fir-Rabat għal waħda mill-eqdem festi ċċelebrati f’pajjiżna għal aktar minn ħames mitt sena, lura fl-elf ħames mija u tmienja (1508), meta l-festa ta’ San Ġużepp saret għall-ewwel darba. F’din l-istess sena, id-dsatax ta’ Marzu kienet ġiet iddikjarata bħala festa kmandata u aktar tard pubblika għall-poplu Malti kollu.