Id-Deputat Laburista Michael Farrugia talab il-protezzjoni tal-Ispeaker wara li ġie mhedded mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
“Jien ngħamilhielek,” qal Karol Aquilina lil Michael Farrugia, skont dak li spjega Farrugia fil-Parlament. Dan fost kliem ieħor bħal, “Inżommhielek fil-komma,” fost l-oħrajn.
Din it-theddida waslet ftit tal-ġimgħat wara li fil-parlament deputati Nazzjonalisti sfidaw għall-ġlied lin-naħa tal-Gvern b’ritratti ppubblikati li xxokkjaw lil kulħadd.
Farrugia qal li din it-theddida ta’ Aquilina saret wara li l-istess deputat u l-membri tal-Partit Nazzjonalista ma marrux għall-kumitat tal-abbozz ta’ liġijiet li kellu jiddiskuti l-emendi biex f’każi ta’ kriminalità organizzata l-pulizija tkun tista’ żżomm persuni arrestati għal iktar ħin.
Jirriżulta li l-Partit Nazzjonalista ma kienx komdu jiddiskuti l-emendi għax dwarhom jinsab maqsum u għad m’għandux pożizzjoni komuni. Vot li kellu jittieħed illejla mhux se jittieħed għax din bidla teħtieġ l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament minħabba l-bidla fil-Kostituzzjoni.