Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma kienx kapaċi jħares f’wiċċ il-preżentatur ta’ programm fuq ir-radju u jgħidlu li hu qatt ma ħa xejn mingħand Yorgen Fenech jew il-familja tal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għall-isfida li għamillu d-Deputat Laburista Jonathan Attard fuq il-programm t’Andrew Azzopardi fuq 103FM, ir-Radju tal-Knisja, Jason Azzopardi deher skomdu.
Jonathan Attard: Taf x’hemm differenza jien inħares lejk Andrew u ngħidlek li qatt ma ħadt xejn mingħand il-familja ta’ Yorgen Fenech u l-familja ta’ Yorgen Fenech, dur inti lejn Andrew u għidlu inti. Agħmilha din id-dikjarazzjoni, iddikjara li qatt ma ħadt xejn, qed nisfidak, iddikjara paladin tal-Governanza.”
Jason Azzopardi, li nkixef li l-grupp ta’ Yorgen Fenech ħallaslu kamra fil-lukanda lussuża Hilton ta’ Tel Aviv fl-Iżrael, għandu stejjer kbar li jorbtuh ma’ ta’ Fenech fosthom li fl-2008, lejliet l-elezzjoni ġenerali ta’ dik is-sena, Jason Azzopardi akkwista ballroom b’xejn fil-lukanda Hilton mingħand ta’ Fenech sabiex ikun jista’ jagħmel coffee morning għall-kostitwenti tiegħu.
Dakinhar lil ta’ Fenech kien qallu biex joħorġu ta’ nies iżda fil-programm deher skomdu wkoll quddiem il-fatt li l-Awditur Ġenerali kien innota li ma kienx hemm tmexxija tajba meta Jason Azzopardi kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet u ngħataw bosta konċessjonijiet sa lejliet elezzjoni ġenerali u anki ġiet esproprjata art bħal dik tad-deal skandaluż tal-Fekruna, li fuqha l-pajjiż tilef eluf kbar t’ewro.
Andrew Azzopardi: “Il-fatt li inti ġbidt l-attenzjoni lil Jason dwar l-issues tal-encroachments, żgħar kbar, ħafna, ftit…”
Jason Azzopardi: “Dawk jiġġeddu awtomatikament… Mhux skandlu.”
Jonathan Attard: “Mela mhux hekk qal l-Awditur Ġenerali. Le mhux skandlu? Inkredibbli u jiġi bil-proposti hawnhekk. Għadek tiddefendi li għamilt Jason, inkredibbli”
Intant, Jason Azzopardi ma naqasx li jiddefendi lil sieħbu David Thake, li nqabad li ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta.
“David Thake wera rġulija kbira.”
Hawnhekk id-Deputat Laburista Dr Jonathan Attard innota l-aġir ta’ Jason Azzopardi u David Thake.
Jonathan Attard: “Jiena nibqa’ mbellaħ Andrew li jiddeskrivi bħala sens ta’ rġulija. Hawnhekk kellna sitwazzjoni fejn ġurnal lokali żvela s-sitwazzjoni ta’ kumpanija ta’ David Thake, mar għand il-Kap tiegħu, Bernard Grech ħareġ jiddefendih, ġurnal ieħor jiżvela li kellu kumpanija oħra u dan, dan x’għamel David Thake? Dan ġabar VAT mingħand il-klijenti tiegħu u żammhom għalih. S’issa għadhom ma tħallsux. Dan għandna sitwazzjoni.”
Andrew Azzopardi: “Hu qal biex jitħallsu l-pagi.”
Jonathan Attard: “X’jiġifieri? Jiġifieri jiena niftaħ kumpanija nżommlok il-VAT lilek jien kieku u biex inħallas il-pagi għax forsi jiena kelli difett fil-mod kif jiena namministra l-kumpanija nħallas il-pagi bil-VAT li ġbart jien f’isem l-Istat mingħandek biex nagħtihom lill-Istat. Aċċettabbli dik jiġifieri għall-kollega tiegħi hawnhekk.”