Il-laqgħa li ONE News xandar filmat tagħha bejn in-numru wieħed tal-establishment Richard Cachia Caruana u Ray Bezzina, il-persuna fdat bit-tmexxija tal-uffiċċju tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, ġabet reazzjonijiet diversi fost id-deputati Nazzjonalisti.
Bla dubju esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kienu minn ta’ quddiem li wrew l-appoġġ għall-fatt li Cachia Caruana qed jerġa’ jiddetta l-aġenda tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, membri tal-fazzjoni Adrian Delia, li dejjem kellha għajta differenti, irreaġixxew b’mod differenti fuq Cachia Caruana u fakkru kif dan kien ġa fil-partit, fosthom fi żmien Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista ħassu skomdu jitkellem fuq Richard Cachia Caruana u saħansitra qalilna li ONE News għandu iżjed informazzjoni fuq kif qed jitmexxa llum l-Partit Nazzjonalista, milli għandu hu.
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech wkoll ġabha bi tqila biex iwieġeb dwar l-involviment ta’ dak li dejjem kien magħruf li kellu l-aħħar kelma.
Deputati oħra ħarbu milli jwieġbu.
Deputat ewlieni ieħor tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tana impressjoni differenti.
Dan filwaqt li deputat ieħor antik minn żmien Gonzi qalilna li m’għandux diffikultà li Richard Cachia Caruana jerġa’ jiddetta l-aġenda politika tal-Partit Nazzjonalista.