“Jien m’għandix Simon li kont qabel, imma ġejt Simon aħjar milli kont”.
Dan kien il-messaġġ tal-Kuntistabbli Simon Schembri, li f’nofs Mejju sar attentat fuq ħajtu waqt il-qadi tad-dmirijietu f’Ħal Luqa. Dan bil-konsegwenza li tilef parti minn driegħu l-leminija.
Viżibilmet emozzjonat, sitt xhur wara dan l-episodju ikrah li għadda minnu, Simon Schembri waqqaf il-Fondazzjoni ‘Simon Schembri – Blue Light’.
Fondazzjoni li għandha l-għan li tqajjem iktar kuxjenza dwar ix-xogħol tal-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Protezzjoni Ċivili, l-Uffiċjali tal-Ħabs u dawk tal-Emerġenza:
“M’għadnix Simon li kont għax lanqas nista’ ma nkellimx lin-nies li jkellmuni fit-triq biex ikunu jafu x’ġara u ma ġarax. Simon aħjar għax issa nista ngħin aktar nies. M’għadnix ngħinhom individwalment, imma issa hemm il-Fondazzjoni”.
Quddiem il-qraba u l-ħbieb tiegħu, li f’dawn l-aħħar sitt xhur kienu ta’ spalla u għajnuna għal kuntistabbli Schembri u quddiem persuni li jaħdmu fil-forzi tal-ordni jew mediċi, li rnexxielhom isalvawlu ħajtu, Simon kellu biss kelma waħda ta’ ringrazzjament, għaliex skont hu, “l-għajnuna tal-pubbliku, u l-kummenti tal-appoġġ għenu biex erġajt qomt fuq saqajja”.
Pożittiv u determinat, minkejja li ħajtu nbidlet minn lejl għal nhar, Simon għadu jmur b’mod regolari l-Isptar għall-kura, iżda issa se jagħti saħħtu f’din il-Fondazzjoni.
Huwa qal li fil-futur jixtieq jaħdem mal-Bank Nazzjonali tad-Demm. Xewqa li nibtet mill-fatt li wara l-inċident huwa kellu bżonn jingħata ħafna demm u għaldaqstant seta jifhem l-importanza li l-pubbliku jagħti d-demm sabiex il-pazjent meta jiġi fil-bzonn isib id-demm u tkun tista’ tiġi salvata il-ħajja.
Minkejja dak li għadda minnu, spikkat l-imħabba ta’ Simon Schembri lejn il-Korp Tal-Pulizija, fejn wera x-xewqa li aktar zgħazagħ jilbsu l-uniformi tas-servizz:
“Se nkun qiegħed naħdem biex iktar żgħażagħ jingħaqdu mal-Korp, għax se jkun hemm futur għalihom u huwa sabiħ li jitilgħu fir-rank tal-Korp”.
Mart il-Kuntistabbli Schembri, Moira Schembri ukoll ingħaqdet ma żewġha u tat ħajr lil kull min għen lil żewgġha u lil uliedha.
Fl-inawgurazzjoni tal-Fondazzjoni ‘Simon Schembri – Blue Light’, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tat l-ewwel donazzjoni għall-fondazzjoni.
Qalet li Simon Schembri huwa ċelebrazzjoni tal-ħajja, li wara dak kollu li għadda minnu qiegħed ifittex sabiex jgħin lil ħaddieħor.
Il-President ta’ Malta irringrazzjat ukoll lill-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni u dawk mediċi, qalet li hija kburija b’kull wieħed u waħda minnhom.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia irringrazja wkoll lil Forzi tal-Ordni. Qal li hija ħasra li kwazi ta’ kuljum xi Uffiċjal jiġi mhedde jew midrub waqt il-qadi ta’ dmirijietu.