Wara l-vot b’saħħtu fil-Parlament Ewropew favur ir-riżoluzzjoni li ddikjarat lill-Unjoni Ewropea bħala LGBTIQ Freedom Zone, kien hemm il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Fis-sessjoni plenarja tal-Ħamis, il-membri tal-grupp tas-Soċjalisti kollha vvutaw favur din ir-riżoluzzjoni.
Dan hekk kif il-mija sitta u tletin Membru Parlamentari Ewropew tas-Soċjalisti, li kien hemm preżenti għal din is-sessjoni plenarja kollha vvutaw favur din ir-riżoluzzjoni.
Din ir-riżoluzjoni fuqha ħadem u nnegozja fuqha min-naħa tas-Soċjalisti, l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engeerer.
Bil-kontra jista’ jingħad għall-grupp tal-Partit Popolari Ewropew li fih hemm il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.
Fis-seduta plenarja tal-Ħamis, għoxrin fil-mija tal-membri minn dan il-grupp ivvutaw kontra jew astjenew minn din ir-riżoluzzjoni.
In-negozjatur ewlieni min-naħa tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew kienet l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, li ma rrenexxiliex tikkonvinċi lil membri kollha tal-grupp tagħha sabiex jivvutaw favur riżoluzzjoni li bagħtet sinjal b’saħħtu li kull persuna, għandha d-dritt li tkun min hi madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Metsola kienet negozjatur tal-partit tagħha, hekk kif hija parti mill-kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew.
Nofs dawk li astjenew fil-vot tal-Ħamis kienu mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, hekk kif tlieta u għoxrin minn sitta u erbgħin li astjenew kienu ta’ dan il-grupp li fih kien hemm Roberta Metsola bħala negozjatur.
Fost dawk li astjenew kien hemm l-eks President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.
Fost dawk li vvutaw kontra jew astjenew għal din ir-riżoluzzjoni kien hemm membri parlamentari Ewropej mill-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija fost oħrajn.
F’Diċembru li għadda, il-Gvern Ungeriż kien neħħa d-dritt milli koppji tal-istess sess jaddottaw it-tfal.