“M’hemmx kliem li jista’ jwennes”
Kien dan il-messaġġ li wasslu Matilde Balzan u bintha Marika Fleri waqt il-programm tagħhom ‘Fost il-Ġimgħa’ fuq ONE. L-omm u l-bint irrakkontaw l-esperjenza personali tagħhom meta, 29 sena ilu, tilfu lill-missier tal-familja.
Huma qabdu s-suġġett meta Marika, li hija speċjalizzata fl-aromaterapija, kienet qed tiddiskuti mezzi kif ittaffi s-sens ta’ niket li l-bniedem iħoss meta jkun qed jaffaċċja xi bidla f’ħajtu.
Hawnhekk, l-omm u l-bint bdew jiftħu qalbhom dwar it-telfa li ġarrbet il-familja tagħhom fl-1994, meta r-raġel ta’ Matilde ħalla din id-dinja.
Marika rrakkontat li tiftakar lil xi ħadd isejjaħ lilha, lil ommha u lil oħtha “imsieken” huma u għaddejjin fit-triq. Lil Matilde, kien hemm min qalilha li mnalla ġrat lilha xi ħaġa hekk, għax għandha karattru sod biżżejjed biex tiflaħ għan-niket.
Filwaqt li l-omm u l-bint qalu li jinsabu ċerti li ma kien hemm ebda intenzjoni ħażina, xorta waħda jemmnu li kelma nieqsa aħjar minn kelma żejda, għax dak id-diskors għadhom iġorruh kważi 30 sena wara.
Marika, li dak iż-żmien kienet tifla tal-iskola, qalet li tiftakar lil sħabha jitrattawha b’mod differenti, meta kulma xtaqet kienet in-normalità. Ommha Matilde fakkritha f’kemm kienet diffiċli għal oħtha Christine, li hija iżgħar minn Marika, meta kien jiġi diskuss is-suġġett tal-‘familja’ fl-iskola. L-1994 inzertat is-Sena tal-Familja mnedija min-Nazzjonijiet Uniti, tema li kienet iċċelebratha wkoll il-Knisja Kattolika.
Segwi l-mument meta l-omm u l-bint qasmu din l-esperjenza tagħhom mat-telespettaturi: