Sondaġġ tal-Maltatoday juri li l-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Skont dan l-istħarriġ, Robert Abela kiseb 42.1% filwaqt li Bernard Grech jikseb 34.7%.
Dawn l-aħħar ċifri għal Bernard Grech huma l-istess li kellu l-eks Kap Simon Busuttil f’Mejju tal-2017, malli skattat kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ xahar wara.
Robert Abela huwa fdat iżjed fi tlieta minn erba’ kategorijiet tal-età li jippreżenta dan l-istħarriġ.
Il-Prim Ministru huwa fdat aktar ukoll minn Bernard Grech fost l-irġiel u n-nisa iżda jgawdi distakk qawwi fost in-nisa, fejn filwaqt li Dr. Abela għandu 43.9% li jafdawh, Dr. Grech jikseb 32%.
Minn sitt reġjuni fil-pajjiżi li jippreżenta dan l-istħarriġ, Robert Abela huwa fdat aktar sew minn Bernard Grech f’erba’ minnhom.
Is-sondaġġ juri wkoll li l-partiti politiċi jgawdu fiduċja simili għal dak li jgawdu l-mexxejja tagħhom.
Il-Partit Laburista żamm iżjed voti ta’ dawk li vvutawlu fl-2017 mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt skont il-Maltatoday hemm iżjed votanti Nazzjonalisti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 li mhux lesti jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li ġejja milli hemm votanti Laburisti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017.
Fil-fatt hemm 12.3% tal-votanti Nazzjonalisti li ma jridux jivvutaw għal kontra tas-6.8% tal-votanti Laburisti li sa issa qed iħossu li ma jridux jivvutaw.
Waqt il-programm Paperscan, l-istatistiku Dr. Vincent Marmara’ spjega kif studju li għandu hu tal-aħħar ġranet jindika li f’każ ta’ elezzjoni għada, il-Partit Laburista jikseb 55.6% u l-Partit Nazzjonalista jġib 42.8%.
L-istudju li sar ġimgħa u nofs ilu fost 600 ruħ juri li ma hemmx differenzi kbar u juri distakk ta’ madwar 13% li jsarfu f’madwar 40,000 vot, distakk simili tal-elezzjoni tal-2017.