Fi programm imxandar fuq l-istazzjon Smash, il-pastor Dr. Gordon-John Manchè ħadha qatta bla ħabel kontra emendi fil-liġi tal-ugwaljanza li l-Gvern irid idaħħal biex tingħeleb iżjed diskriminazzjoni anki fuq persuni b’orjentazzjonijiet sesswali differenti, inkluż fl-iskejjel.
Manchè spiċċa juża ċertu kliem biex juri l-oppożizzjoni għall-fatt li t-tfal jibdew jagħrfu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Skont hu fl-iskejjel, it-tfal ħa jispiċċaw jitgħallmu, il-perverżjoni tas-sesswalità.
Manchè qal, “U l-boy, skużi l-espressjoni, mhux ħa nidgħi imma ħa jkolli ngħidha, jekk id-duda tiċċaqlaqlu, jista’ joqgħod imissha biex forsi titlalu, jekk il-girl tħoss xi ħaġa, il-girl tista’ toqgħod tmiss lilha nnifisha u jekk ħaddieħor imissha, dak allura naturali.”
Ftit iżjed minn minuta wara dan id-diskors, mistiedna fuq il-programm qalet li ġisimha qed iqum xewk xewk.
“Jiena qed nisma’ l-pastor hawnhekk u ġismi qed iqum xewk xewk litteralment pastor.” Qalet waħda mill-mistiedna.
Skont Manchè, l-emendi fil-liġi tal-ugwaljanza se jikkorrompu l-innoċenza tat-tfal.
“U li jadvokaw liġijiet u prinċipji ta’ taħwid fil-gender, fl-ideoloġija tal-gender li jridu jdaħħlu fl-iskejjel u jispiċċaw jikkorrompu u jirrapjaw, jirrapjaw, u jirrapjaw l-innoċenza tat-tfal.” Qal Manchè.
Manchè qal ukoll lill-politiċi biex jerħu lit-tfal.
Hu qal, “Pero li inti tbagħbas it-tfal, qed ngħidilkom Ministri, Parlamentari, Prim Ministru, f’isem Ġesù Kristu, erħu lit-tfal tagħna waħidhom.”
Intant Manchè qal li l-omosesswali mhumiex l-iktar nies ibbuljati.
Hu qal, “Infatti hija riċerkata, l-iktar nies ibbuljati mhumiex l-LGBT.”
Ftit tal-jiem ilu, il-Papa Franġisku ġie rappurtat isemmi l-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess stess iżda fuq il-programm li xxandar fuq it-televiżjoni qabel, spikka diskors konfrontattiv fuq persuni omosesswali.
Manchè qal, “Ma nħossnix komdu nagħmel kejk, sewwa? Ta’ żwieġ, għax jiena ma nemminx fiż-żwieġ ta’ gays pereżempju, bħal ma jemmnux ħafna eluf anki f’pajjiżna u jiena ma nħossnix komdu nagħmillek kejk ta’ żewġt irġiel miżżewġin jew żewġ nisa miżżewġin, ma nħossnix komdu.” Hu kompla jgħid, “Jiena mhux ħa nżewweġ raġel u ragel, żgur u qatt! U lanqas mara u mara, żgur u qatt! Sewwa? Mela xi ħadd tiġi koppja fuqi u tgħidli rridu lilek li inti żżewwiġna. Ngħidlu no way, jose, mur fittex, ħabbat bieb ieħor. Mur fittex xi pulċinell ieħor, iżewwiġkom.”
Hu kompla jgħid, “Dan irid is-servizz, pereżempju jien naf ta’ funeral, xi ħadd mietlu l-boyfriend tiegħu jew il-girlfriend tagħha, jiena ma nemminx dawk l-affarijiet, I’m sorry lili tinkludiniex.”
Fil-programm spikka wkoll talb minn Manchè biex iqaċċat nies mill-Parlament favur l-emendi fil-liġi tal-ugwaljanza.
Hu qal, “Tqaċċathom minn pożizzjoni, sew jekk humiex fil-Parlament, sew jekk humiex f’postijiet prominenti, sew jekk humiex minn postijiet pubbliċi.”
Fil-program spiċċa jgħid ukoll li jekk il-Mulej jagħtas, Malta tisparixxi.
“Il-Mulej iħenn għal dan il-pajjiż għax allaħares jagħtas il-Mulej għaliex Malta tisparixxi” saħaq Manchè.