Jekk tagħmel ix-xita nhar tar-Rużarju filgħodu, tkun bikrija; jekk tagħmel minn nofs inhar’ il quddiem, tkun imwaħħra.
Hekk jgħid il-Malti u forsi veru għaliex għalkemm Ottubru beda bil-bnazzi, issa nistgħu ngħidu li x-xita qed tagħmel tagħha.
Fl-aħħar sigħat niżlet ammont konsiderevoli ta’ xita wara li firxa ta’ pressjoni baxxa nħolqot eżatt fuq gżiritna.
L-uffiċjal metereoloġiku Brian Micallef spjega kif diġa nqabżet il-medja tax-xita għal dan ix-xahar.
“Bħala medja għall-Ottubru xita għandek 75.6mm u s’issa dax-xahar għamel 99mm, jiġifieri qbiżna l-medja kważi b’25.”
Bejn il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, filmati li dehru fuq il-midja soċjali wrew għargħar f’diversi lokalitajiet fosthom fis-Siġġiewi u fil-Mellieħa.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonfermaw li kellhom jintervjenu biex iċaqalqu xi karozzi fin-Naxxar u San Ġiljan.
F’Tas-Siema, fi Triq il-Patri Marjanu, iġġarfet gallarija kawża tal-maltemp, bit-tifrik spiċċa għat-triq.
Sadanittant kuntrarjament għal dak li għaddej fit-Tramuntana tal-Ewropa, f’nofs il-Mediterran il-maltemp mistenni jkompli jippersisti għal ftit biex imbagħad jerġa’ jeqleb għall-aħjar momentarjament, spjega Brian Micallef:
“Bħala sistema li għandna fuqna bħalissa ħa tibqa’ fuqna sa għada, sal-Ħadd ukoll, jiġifieri nibqgħu nistennew ħalbiet tax-xita u anki possibilment bir-ragħad. Pero minn nhar it-Tnejn it-temp għandu jmur għall-aħjar, ikun pjutttost xemxi, pero minn nhar il-Ħamis, ‘il quddiem jerġa’ jibda jissaħħab u nerġgħu nistennew ix-xita”.