“M’għandna qatt naqtgħu qalbna mid-djalogu li jista’ jwassal għal soluzzjoni politika għas-Sirja mhux biss fil-livell internazzjonali iżda wkoll fil-livell lokali fis-Sirja nnifisha”.Hekk qal il-Ministru Carmelo Abela fi tmiem laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE fil-Lussemburgu.
“Kif inhuma l-affarijiet, għandna bżonn aktar djalogu, mhux inqas. Ma nistax ħlief intenni l-pożizzjoni li Malta ilha ħafna tħaddan, li ma jistax ikun hemm soluzzjoni oħra ħlief dik politika. F’dan il-każ ikun tajjeb li tinstab soluzzjoni medjata min-Nazzjonijiet Magħquda skont ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-Komunikat ta’ Ġinevra tal-2012”.
Filwaqt li kkundanna bl-aħrax l-użu tal-armi kimiċi, il-Ministru Abela saħaq li l-UE għandha rwol importanti fil-konfront tal-gwerra ċivili Sirjana. Hu qal li jistenna b’ħerqa t-Tieni Konferenza ta’ Brussell dwar is-Sirja li se ssir il-ġimgħa d-dieħla b’kopresidenza tal-UE u tan-Nazzjonijiet Magħquda. Din se tipprovdi opportunità unika biex tingħata spinta mill-ġdid lill-proċess politiku li għandu jwassal għal soluzzjoni komprensiva fis-Sirja. Dan il-forum se joffri wkoll lill-UE ċ-ċans li tkompli tindirizza attivament is-sofferenzi li qed iġarrab il-poplu tas-Sirja. Il-konferenza se tiltaqa’ fl-24 u fil-25 ta’ April bit-tema ‘Appoġġ għall-futur tas-Sirja u tar-reġjun’ u fiha se jipparteċipaw ukoll atturi ewlenin mil-Lvant Nofsani.
Fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE adottaw Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
Il-ministri ddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi wara l-attakk b’aġent nervin f’Salisbury, fir-Renju Unit. Huma komplew ma’ fejn kien ħalla l-Kunsill Ewropew f’Marzu, inkuż fuq l-espulsjoni ta’ diplomatiċi Russi minn għadd ta’ pajjiżi kemm fl-UE kif ukoll terzi. F’dan il-kuntest, il-ministri ddiskutew it-tkomplija tat-twettiq tal-ħames prinċipji gwida dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li ntlaħaq qbil dwarhom f’Marzu tal-2016. Punt ieħor fuq l-aġenda kienet is-sitwazzjoni fl-Iran, inkluż il-ftehim dwar in-nukleari.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tħaddtu wkoll dwar il-Balkani tal-Punent bi tħejjija għal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li se ssir f’Sofija fis-17 ta’ Mejju. Id-diskussjonijiet kienu msejsa fuq l-istrateġija li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet fis-6 ta’ Frar.