Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal l-qgħad f’pajjiżna żdied. Arrigo qal dan waqt il-programm Insights fuq l-istazzjon nazzjonali l-Ġimgħa filgħaxija, waqt li kien qed jiddibatti mas-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.
“Għax aħna naraw żiedu n-nies qegħda” Qal Arrigo.
Dwar din id-dikjarazzjoni, il-ġurnalist u preżentatur ġibidlu l-attenzjoni li l-affarijiet huma l-kontra iżda Arrigo ma riedx jaf.
Il-ġurnalist Glen Falzon staqsa, “Li l-qgħad żdied fejn rajtha? Għax iċ-ċifri l-kontra juru.” u Arrigo wieġeb, “Iċ-ċifri hemm qegħdin.”
Għall-kuntrarju ta’ dak li qal Arrigo, li qalu ftit wara l-budget li ħabbar l-estensjoni tal-Covid-Wage Supplement li salva eluf ta’ impjiegi u għen eluf ta’ negozji, statistiċi uffiċjali juru mod ieħor, tant li kull xahar il-qgħad naqas.
F’Awwissu, għat-tielet xahar konsekuttiv, pajjiżna kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Fil-fatt fi żmien ta’ pandemija, skont l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ir-rata ta’ qgħad ta’ Malta kienet ta’ erbgħa punt wieħed fil-mija (4.1%).
Dan filwaqt li l-medja fiż-Żona Ewro kienet kważi d-doppju ta’ Malta, jiġifieri ta’ tmienja punt wieħed fil-mija (8.1%).
Fl-istatistika tal-Eurostat hemm miktub ċar ukoll li pajjiżna kellu t-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-Żona Ewro. Hawnhekk pajjiżna ġie eżatt wara l-Ġermanja.
Intant meta kien qed jitkellem dwar il-budget, il-Viċi Kap Nazzjonalista qal kif fil-budget, il-gvern m’għandu l-ebda viżjoni għall-pajjiż.
Arrigo qal, “Jien nistagħġeb kif jiġu u jgħidilna li għandi viżjoni.”
Arrigo waqt dan il-programm qal kif huwa mertu tal-Partit Nazzjonalista li saru l-miżuri tal-COVID Wage Supplement u l-għoti tal-vouchers tal-mitt ewro.
Dan qalu wara li d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kien mar fuq it-televiżjoni u sejjaħ il-vouchers tal-mitt ewro bħala kupuni u huma tal-mistħija.
Edwin Vassallo qal, “Dan huwa pajjiż li spiċċajna b’ekonomija li ħafna nies fin-negozju saru jiddependu u jieħdu r-ruħ, jekk il-Gvern jagħti l-kupuni, le dan tal-mistħija.”