Hawn min jogħġbuh il-mustaċċi u hawn min ma jiflaħhomx. Minkejja dan, madwar id-dinja llum reġa’ hawn ħafna iżjed irġiel li jqattgħu ħin twil quddiem il-mera, jiflu b’seba’ għajnejn mustaċċihom. Ikabbruhom b’kull daqs u forma u saħansitra jorganizzaw kampjonati biex jiġu ppremjati għall-aqwa kategorija.
Illum, iżda, ħa niffokaw fuq il-mustaċċi tal-kantant u preżentatur popolari Malti, Tony Camilleri. Karatteristika partikolari li, sa minn żmien twil ilu, iddistingwiet lil dan l-artist, li hu sinonimu wkoll mal-istazzjonijiet ONE.
Camilleri kien l-ewwel preżentatur li fetaħ uffiċjalment ix-xandiriet ta’ ONE Radio fl-elf disa’ mija, wieħed u disgħin.
Illum, iżda, wara żball uman, Camilleri spiċċa mingħajr mustaċċih.
Qal, “Kont qed nieħu shower u qed inqaxxar il-mustaċċi u lqatt il-mustaċċa tax-xellug, imbagħad tal-lemin biex inġibhom indaqs. Imbagħad Liliana qaltli ħa nirranġahomlok jiena u rranġathomli għall-frisk u qaxxarthom. U din bis-serjetà ħarist lejn il-mera, għedt dan mhux jien.”
Camilleri minn dejjem bil-mustaċċi. Kien libes ta’ Papa u bil-mustaċċi. Ta’ suldat u bil-mustaċċi. Ikanta bil-mustaċċi. Tony saħanistra jirrakkontalna li ilu sa minn żogħżitu jiddandan b’dawn il-famużi mustaċċi.
Qal, “Ta’ qisu 17, 18, kont iltqajt ma’ ħabib tiegħi u fformajna duo u bdejna nkantaw u ndoqqu flimkien. Qalli aħna missna nagħmlu xi ħaġa ta. Qalli tridx inħallu l-mustaċċi? Jiena ħallejthom u anke hu. Imbagħad hu qaxxarhom u jiena ma qaxxarthom qatt.”
Kien hemm episodju ieħor ta’ darba meta kien spiċċa jqaxxar il-mustaċċi kompletament.
Qal, “Kont ħallejt il-barbetti u kont neħħejt il-mustaċċi. Kont qiegħed l-Ingilterra u aħna u ġejjin lura kelli barbetti twal u kulħadd ħasibni Freddi Portelli.”
It-teknoloġija moderna llum, daqskemm hi utli fil-ħajja, tista’ tkun ta’ xkiel. Fil-fatt ma kinitx password tal-apparat teknoloġiku li nesa, għax ‘L-Għannej’ irrakkontalna li, b’dak li ġralu, meta mar biex jipprova juża t-tablet bħas-soltu, is-sistema tal-face recognition m’għarfitux mingħajr mustaċċi u baqa’ ma ngħatax aċċess għal dak li hu tiegħu personali.
Qal, “Jiena għandi dan u meta bdejt nagħmel wiċċi ma bediex jagħrafni. Għedt mela ħa nagħmel il-password u l-password kont insejtha wkoll. Imbagħad ftaħtu minn hawnekk u bdejt iħawwad passwords. Imbagħad ħadha minn fuq il-mobile peress li huma attached.”
Liliana, lil Tony ma tafux bla mustaċċi. Fil-fatt, f’dawn il-jumejn li ilu mingħajrhom, ma tistax tidrah. Bid-daħqa, qaltilna li mingħajrhom xebbhitu ma’ żewġ politiċi prominenti Maltin.
Tlabniha tgħidilna għaliha xi jfisser Tony bla mustaċċi.
Qalet, “Ma jogħġobni xejn. Imma ħa ngħidu fl-età tagħna lilu jridu jogħġbu, mhux lili. Lili m’għoġobni assolutament xejn. Jiena ma nafux bla mustaċċi. Fuq l-erbgħin sena flimkien, qatt ma rajtu bla mustaċċi u meta neħħihom, għax ħa żball, irrealizzajna li xoffa ta’ fuq m’għandux. Allura bdejna nipprovaw inxebbhuh ma’ min … u bdejna ngħidu li jixbah bejn Fenech Adami u Mintoff. Qiegħed fin-nofs tagħhom, imma ma nafx lil min jixbah minnhom proprja.”