Fuq ix-xandir nazzjonali, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Beppe Fenech Adami ma riedx jikkundanna lil Jason Azzopardi li anki bħala avukat fetaħ kwerela biex jitfa’ s-suldati l-ħabs, wara li akkużahom b’attentat ta’ qtil ta’ immigranti.
Għal darba, darbtejn, Beppe Fenech Adami ddefenda lil Jason Azzopardi, u saħansitra ried jgħid li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma għamilx dak li kien qed jgħid il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fuq l-istess programm Realtà, jiġifieri li Jason Azzopardi fetaħ kwerela biex jitfa’ s-suldati l-ħabs.
Beppe Fenech Adami ma riedx lanqas jiskuża ruħu tal-atteġjament li ħadet l-Oppożizzjoni fil-konfront tas-suldati.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li fil-viċin ħafna l-membri tal-korpi dixxiplanti se jkunu qed jirċievu l-vaċċin għall-Covid-19.
Dwar il-preżenza tal-virus fil-ħabs, li l-Ministru għall-Intern qal li n-numru ta’ dawk infettati sa mill-bidu tal-pandemija huwa inqas minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni fil-ħabs, saħaq iżda li l-Oppożizzjoni tat parir differenti.
Intant id-diskussjoni fil-programm kienet anki fuq ir-riżultati li kiseb pajjiżna fl-aħħar sena, f’rapport li ħareġ dwar il-kriminalità.
Il-Ministru għall-Intern qal li fil-pandemija kien hemm biża’ li ċertu kriminalità setgħet tiżdied iżda din fil-fatt naqset u pajjiżna huwa wieħed mill-aktar siguri.
Hawnhekk issemma l-proġett tal-pulizija fil-komunità estiż fi tnax-il lokalità u kif dan se jkun estiż f’lokalitajiet ta’ sfida bħal ma huma l-Marsa u l-Ħamrun.
Fakkar kif illum il-korp tal-pulizija qed joffri servizzi ġodda speċjalizzati fosthom billi anki għandu professjonisti biex jindirizzaw il-pjaga tal-vjolenza domestika.
Qal li l-korpi dixxiplinati qed jiġu mgħammra iżjed u qed isir investiment fir-riżors uman tal-korpi u llum in-nefqa tal-Gvern fil-korpi dixxiplinati hija sitt darbiet iżjed mill-aħħar budget ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2012.
Il-Ministru għall-Intern kien mistoqsi dwar meta se jintlaħaq ftehim kollettiv għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-gwardjani u l-ħaddiema tal-ħabs.
Hawnhekk qal li wara li riċentament ntlaħaq ftehim anki mal-Armata u l-Protezzjoni Ċivili, fejn il-ħaddiema bdew jaħdmu erbgħin siegħa fil-ġimgħa u jitħallsu tal-over time filwaqt li jkollhom dritt jissieħbu f’unjin u jkollhom polza tal-assigurazzjoni, il-Ministru Camilleri ta l-kelma li fil-viċin se jintlaħaq ftehim għall-ħaddiema tal-ħabs.
Intant fil-programm saret referenza għan-numri rekord ta’ rilokazzjonijiet tal-immigranti u kif il-proċess ta’ ripatrijazzjoni għal dawk li ma ħaqqhomx ażil huwa wieħed diffiċli iżda pajjiżna qed jirnexxielu wkoll jibgħat lura immigranti li ma ħaqqhomx protezzjoni.
Il-Ministru għall-Intern qal ukoll li qed isir l-infurzar biex kulħadd jimxi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa u fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra ngħataw mas-sitt elef multa relatati mal-imxija.