Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jattakka l-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna, li issa anki spiċċa l-għira tal-Ewropa, b’pajjiżi bħall-Awstrija jgħidu li Malta ħadet wisq dożi.
F’intervista mxandra fuq l-istazzjon tiegħu, Bernard Grech qal li mhuwiex kuntent: “Le, m’iniex kuntent.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan meta pajjiżna huwa l-iżjed pajjiż minn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, li qed ilaqqam nies u diġà laqqam bl-ewwel doża 17% tal-popolazzjoni u riesaq lejn ir-rata ta’ 8% tal-popolazzjoni mlaqqma kompletament.
Quddiem dawn il-fatti miġbuda għall-attenzjoni minn Norma Saliba, li kienet qed tintervistah, Bernard Grech wera biċ-ċar kemm ma jġerraħx is-suċċess u ma jieħux gost bl-affarijiet sbieħ għall-pajjiżna.
Meta kien mistoqsi: Sodisfatt, għax pereżempju l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li Malta hija eżemplari għaliex hija l-iktar pajjiż illi qed ikollu rata sostanzjali ta’ tilqim, l-ewwel waħda fl-Ewropa?
Grech wieġeb: “Mela, meta nikkwotaw il-WHO u noqogħdu nikkwotaw lil xi ħadd li jfaħħarna, taf xi tfisser dak, ifisser li we are complancent.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mistoqsi wkoll sabiex isemmi l-esperti li qed ituh il-pariri dwar il-pandemija iżda hu ma riedx jagħti ismijiet.
Meta kien mistoqsi: “Għandex xi ismijiet f’moħħok imma?”
Bernard Grech stqarr: Ismijiet hawn, ismijiet jeżistu, hemm ħafna persuni li jkellmuna. Hemm ħafna persuni.
Meta reġa’ kien mistoqsi: Imma trid tagħti l-ismijiet?
Bernard Grech qal, “Ma tarax mhux se nsemmi ismijiet minn hawnhekk.”
Fl-istess ġimgħa, li l-Gvern ħabbar miżuri sabiex irażżan l-imxija, b’parir mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Kap Nazzjonalista beda jsemmi min moħħu fl-elezzjoni flok fil-pandemija.
Grech sostna: “Din il-ġimgħa kellna lil xi ħadd illi fuq Facebook tefa’ post qal bħal dan iż-żmien tmien snin konna wara l-perspex u jekk Alla jrid dalwaqt inkunu hemm wara l-perspex biex noqogħdu nħabbtu għall-elezzjoni, ara fiex moħħhom dawn.”
Din id-dikjarazzjoni fakkret lil bosta f’dan li kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu x-xahar li għadda.
Bernard Grech kien qal,“Aħna rridu li mill-aktar fiss possibli noħorġu mill-pandemija, ħalli mmorru għall-elezzjoni.”