Luca Curmi, ta’ 29 sena, miet wara li waqa’ madwar erba’ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni fi fi Triq Damasku, il-Munxar.
It-traġedja, li ħasdet lil dan ir-raħal sieket u żgħir Għawdxi, seħħet l-Erbgħa għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, iżda sfortuntament iż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
ONE News huwa infurmat li ż-żagħżugħ kien qed jaħdem fi blokka flettijiet tal-familja ma’ missieru meta għeleb minn fuq fallakka u, kawża ta’ dan, waqa’ u miet.
Mijiet ta’ qraba u ħbieb sellmu l-memorja ta’ Luca fuq il-midja soċjali. Bosta ddeskrivewh bħala żagħżugħ simpatiku, dħuli u dejjem bit-tbissima fuq wiċċu.
L-aġenzija Heritage Malta, li Luca kien impjegat tagħha, ukoll sellmet liż-żagħżugħ u qalet li kien ħaddiem bieżel.
Fuq Facebook, il-Heritage Malta qalet li se tibqa’ tiftakar kif Luca kien dejjem lest biex jgħin lill-kollegi tiegħu.
Il-Kunsill lokali tal-Munxar ukoll sellem il-memorja taż-żagħżugħ billi niżżel il-bandiera tal-binja tiegħu mezz’asta.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Kunsill qal li qed jibki t-telfa ta’ Luca, filwaqt li offra l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, partikolarment lil missieru Paul Curmi, li huwa eks Sindku tal-lokalità, lil ommu, oħtu, u l-qraba kollha.
Is-Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin qalu li Luca Curmi għal ħafna snin kien involut ferm fl-armar tal-festa ta’ San Pawl u ddeskivewh bħala persuna li kienet tħobb ir-raħal.
Intant, fi stqarrija ftit sigħat wara li seħħet id-diżgrazzja, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, qalet li qed tinvestiga l-inċident.
L-investigazzjonijiet fuq il-każ mill-OHSA bdew immedjatament skont it-termini ta’ Sezzjoni 9 tal-Att dwar l-OHSA, u se jkomplu matul il-jiem li ġejjin.
Il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.