Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal lil dawk il-kandidati li rtiraw mill-elezzjonijiet tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista li issa hi affari tagħhom.
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ firda fil-Partit Nazzjonalista, fejn disa’ kandidati rtiraw minn elezzjoni wara li ħassewhom imminati, l-eks Viċi Kap għall-affarijiet tal-partit qal li l-affarijiet ikomplu.
Jirriżulta li dawn il-kandidati li rtiraw jappoġġjaw lil Adrian Delia u l-Ġimgħa filgħaxija marru d-Dar Ċentrali u nfurmaw lil Kap tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech li qed jirtiraw minn elezzjoni li biha ħassewhom attakkati anki personalment.
Fi stqarrija li ħarġu qalu li l-kandidatura tagħhom ntlaqgħet b’livell ta’ kritika kattiva u estrema li ma kinitx la f’postha u lanqas f’waqtha.
Riżultat ta’ dan, il-membri tal-kumitat sezzjonali ta’ Bormla, magħruf li huwa tal-fazzjoni Adrian Delia wkoll irriżenja b’solidarjetà ma’ dawn il-kandidati mminati, li qalu li Nazzjonalisti spiċċaw jattakkaw Nazzjonalisti oħra.
Anki l-eks Kap Adrian Delia għadda messaġġ iebes lit-tmexxija ta’ Bernard Grech u talab biex il-ġlied jieqaf.