Minn kif nistgħu nippreżervaw it-teknika li biha nħadmet skultura fir-Rinaxximent, għal kif l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ ġġibna aktar viċin tal-ħajja taħt l-ibħra tal-Gżejjer Maltin.
Dawn huma wħud mis-suġġetti li qed tesplora r-rivista THINK tal-Università ta’ Malta, li għal dan is-sajf iffokat fuq kull aspett tal-preżervazzjoni.
Dwar dan tkellimna mal-Editur Edward Duca, li fisser kif il-kitbiet fir-rivista se jħarsu lejn il-preżervazzjoni minn lenti mhux daqshekk tradizzjonali.
“Ovvjament fil-preżervazzjoni għandek affarijiet bħall-konservazzjoni tal-arti f’Malta, iżda nitkellmu wkoll fuq il-kultura Maltija u kif tista’ tippreżerva l-ambjent billi jkollok proċessi kimiċi li huma sostenibbli.”
Il-35 edizzjoni tar-rivista tat ċans ukoll biex studenti u riċerkaturi jesperimentaw b’kitbiet fittizji wkoll.
“Għandna wkoll riċerka minn studenti li għażlu li jiktbu għalina, u għall-ewwel għandna storja fittizja, li hija ħaġa sabiħa ħafna li qed nagħtu opporunità lill-istudenti jkunu parti mir-rivista.”