It-Tnejn filgħodu, il-Partit Nazzjonalista organizza konferenza tal-aħbarijiet biex jattakka r-riforma li ħabbar il-Gvern għall-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Għar-riforma fil-kirjiet, id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo kien mistoqsi x’inhuma s-soluzzjonijiet tal-Oppożizzjoni, bil-Partit Nazzjonalista jirreferina biss għal stqarrija li kien ħareġ.
Qal, “Jiena fil-bidu ta’ Diċembru, jiena flimkien mal-kollega tiegħi Dr Jason Azzopardi wkoll ħriġna press release, ara x’se tagħmel għaliex għandna problema.”
Ivan Bartolo ammetta ma’ ONE News li Gvern Nazzjonalista ma għamilx biżżejjed għan-nies li għandhom kirja ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Fil-fatt Gvern Nazzjonalista lin-nies tahom mija u ħamsa u tmenin ewro fis-sena għall-kuntrarju ta’ dak li se jagħti dan il-Gvern, għaxart elef ewro fis-sena.
Ivan Bartolo attakka wkoll lil Gvern dwar kemm tiswa l-proposta tiegħu u filwaqt li semma ċifra tal-Gvern, fl-istess nifs staqsa jekk il-Gvern provdiex costings.
Qal, “Il-Prim Ministru tagħna costings? Semma għaxar miljuni, għandu l-costings tagħhom?”
Ma setax jonqos li ONE News isaqsi dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni għall-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Hawnhekk reġa’ spikka n-nuqqas ta’ proposti mill-Oppożizzjoni, b’Ivan Bartolo jiddikjara li l-ewwel joħroġ il-liġi l-Gvern imbagħad l-Oppożizzjoni tgħid tagħha.
Hu qal, “Dwar il-proposti, aħna għandna diversi proposti, aħna fi ħdan il-partit għandna diversi proposti li qegħdin niddiskutuhom, ħa joħroġ l-att il-Gvern, imbagħad niddiskutuhom tagħna wkoll.”
https://www.one.com.mt/2021/03/01/il-pl-jghid-li-l-pn-huwa-izolat-fit-tmaqdir-ghar-riforma-fil-kirjiet-ta-qabel-l-1995/