Fil-jum dinji ddedikat lill-għalliema, il-Unjin għall-Għalliema, l-MUT indirizzat konferenza stampa li fiha stqarret li d-deċiżjoni li jinfetħu l-iskejjel hija tal-Gvern u ta’ din irid jieħu r-responsabbilità.
Dan qalitu wara li sa ġimagħtejn ilu l-MUT laħqet qbil mal-Gvern sabiex l-iskejjel jerġgħu jinfetħu mill-ġdid bil-protokolli meħtieġa u l-istess unjin kienet involuta fid-diskussjonijiet twal dwar il-ftuħ tal-iskejjel.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici kien saħansitra stqarr li l-edukaturi kien jeħtieġilhom jidħlu lura l-iskola fil-jum tat-Tnejn 28 ta’ Settembru.
Kien saħaq li l-aħjar edukazzjoni tingħata fil-klassi.
Intant fil-konferenza tal-aħbarijiet, Bonnici qal li hemm bżonn ta restrizzjonijiet anke barra l-iskejjel.
Filwaqt li l-iskejjel kollha ġew iċċertifikati minn spetturi indipendenti tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA, li huma lkoll konformi mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa, l-MUT qalet li l-Gvern mhux preparat għall-ftuħ tal-iskejjel.
Mistoqsi minn ONE News dwar dawn l-aħħar dikjarazzjonijiet wara ftit jiem, Marco Bonnici qal li ma nbidel xejn.
Meta mistoqsi: “Wara li ġimgħatejn ilu wrejtu s-sodisfazzjon tagħkom għall-ftuħ tal-iskejjel mill-ġdid din il-ġimgħa u kontu anke involuti fid-diskussjonijiet x’inbidel biex issa qegħdin turu dan in-nuqqas ta’ sodisfazzjon?”
Bonnici wieġeb: “Ehe le, finalment ma nbidel xejn, kull ma ġara huwa li aħna qegħdin naraw li filwaqt li fl-iskejjel hemm il-ħtieġa li nimxu mal-protokolli, hemm il-ħtieġa li ovvjament il-miżuri jittieħdu kollha, u dak li ser inkunu qiegħdin nagħmlu, ħalli nemfasizzawha, irridu naraw li l-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi u l-Gvern jenfasizza wkoll il-ħtieġa li bħala poplu nimxu wkoll ma’ dawn il-miżuri.”
Madankollu mbagħad saħaq li jaqbel li l-iskejjel jiftħu u li dawn huma preparati biex jilqgħu l-istudenti wara ħidma mill-edukaturi.
Bonnici sostna: “Aħna meta l-Gvern ippospona l-ftuħ b’ġimgħa, għidna u konna ċari li dan il-posponiment huwa neċessarju anke bi staggering biex naraw li l-iskejjel huma preparati, l-iskejjel huma preparati biex nhar it-Tnejn, nhar l-Erbgħa li ġej l-istudenti jidħlu fl-iskejjel b’mod segregat imma huma preparati grazzi għall-ħidma kollha li saret mill-edukaturi.”
Bonnici stqarr li l-MUT mhux ser tkun qed tingħaqad f’mewġa li hawn għal spekulazzjonijiet dwar xi każijiet fl-iskejjel.
Qal li kull informazzjoni trid tkun ivverifikata.
Stqarr li l-pandemija qiegħda fuq kull post tax-xogħol u għalhekk kullimkien hemm ir-riskju.