F’kummenti li ta l-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, huwa saħaq li l-unjin taqbel li l-edukaturi jidħlu fl-iskejjel nhar it-Tnejn li ġej.
Marco Bonnici li dan huwa pass importanti ħafna biex anki l-edukaturi jagħmlu l-preparamenti tagħhom biex jilqgħu lill-istudenti.
Is-Sur Bonnici laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern u spjega kif il-unjin kellha diskussjonijiet twal dwar il-ftuħ tal-iskejjel.
Intant fi stqarrija, l-MUT laqgħet il-fatt li l-istudenti ma jibdewx kollha fl-istess ġurnata.
Spjegat li dan it-tqassim għandu jippermetti lill-iskejjel jikkontrollaw aħjar l-implimentazzjoni tal-protokolli u jaġġustaw il-prattiċi li qed jiġu addottati biex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi u l-istudenti.
L-MUT qalet li mill-ġimgħa d-dieħla se tkun qed tosserva l-andament tal-ftuħ tal-iskejjel u tgħin lill-edukaturi sabiex jiġi żgurat li l-iskejjel jadottaw il-miżuri mitluba dwar is-saħħa u s-sigurtà.
L-MUT irrikonoxxiet ukoll li kienet involuta fid-diskussjonijiet fosthom anki f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, li ddiskuta l-ftuħ tal-iskejjel konformi mal-miżuri u l-protokolli ffissati mill-Awtorità tas-Saħħa, taħt is-Supretendenza tal-Professur Charmaine Gauci.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2020/09/25/il-gvern-se-jiftah-l-iskejjel-u-l-istudenti-mistennija-jidhlu-lura-fuq-medda-ta-gimgha-mis-7-tottubru/