Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ltaqa’ sabex jiddiskuti l-aħjar mod għall-użu u l-infiq tal-fondi Ewropej.
Ħabbar dan il-Gvern fi stqarrija hekk kif f’din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
B’referenza għall-pakkett finanzjarju ta’ aktar minn żewġ biljun ewro li Malta rnexxielha tikseb għall-programm ta’ fondi 2021-2027, il-Ministru Abela qal li fil-kuntest tal-pandemija, li ħalliet kunsiderazzjonijiet ekonomiċi konsiderevoli, irridu naraw li l-fondi jintefqu bl-aktar mod responsabbli u għaqli.
“Ftit tal-jiem ilu tkellimna dwar il-Budget Nazzjonali u din hija xi ħaġa li tmur in line man-nefqa tal-Gvern u allura kif il-Gvern se jkompli jinvesti biex inkabbru l-ekonomija, biex il-pajjiż jibqa’ jimmodernizza lilu nnifsu skond il-ħtiġijiet li rridu nfasslu u naraw flimkien.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ta dettalji dwar il-prijoritajiet li fuqhom huma mibnija l-programmi ta’ infiq li qed jiġu proposti għal konsultazzjoni pubblika minn erba’ fondi partikolari tal-Unjoni Ewropea.
“Bdejna issa nħarsu anke lejn il-proposti li qed inressqu, kif se jkunu qegħdin jintefqu l-fondi ewropej, dawk li ġejjin mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Fondi reġjonali u kif ukoll mill-Just Transition Fund apparti l-fondi li għandhom x’jaqsmu mal-qasam tas-Sajd fejn hawnhekk bdejna diskussjoni ħalli naraw il-proposti li qed inressqu bħala Gvern kif għandna nfasslu n-nefqa ta’ dawn il-fondi flimkien mal-isħab soċjali.”
Huwa temm jgħid li dawn il-programmi ta’ infiq se jitniedu għal konsultazzjoni pubblika fil-jiem li ġejjin biex wara li l-gvern jisma’ l-opinjoni tan-nies dwarhom, ikun jista’ jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea bil-programmi definittivi tiegħu.