Illum ħafna studenti madwar Malta u Għawdex qed jirritornaw fuq il-bankijiet tal-klassi fl-iskola rispettiva tagħhom.
Crew ta’ ONE News qed isegwi d-dħul tal-istudenti tas-sitt sena u Kinder 2 fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi. It-tfal dehru ħerqana u entużjasti biex jidħlu fl-iskola jiltaqgħu ma’ sħabhom wara seba’ xhur ’il bogħod mill-ambjent tal-iskola.
Fis-Siġġiewi stajna ninnutaw lit-tfal iżommu d-distanza soċjali u jġorru affarijiet tal-iskola. Il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom kienu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod jiggustaw lit-tfal deħlin biex jitgħallmu.
Bejn illum u bħal-lum ġimgħa l-istudenti kollha se jidħlu biċċa biċċa fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja. Il-ġimħa l-oħra l-edukaturi daħlu fl-iskejjel biex iħejju għar-ritorn tal-istudenti fil-klassi.
Kien hemm aktar minn ħamsin miżura ta’ prekawzjoni li ttieħdu fl-iskejjel kontra l-imxija fosthom dawk li jibdew mill-grada tal-iskola.
Hawnhekk, qed tittieħed it-temperatura ta’ kull persuna li hija awtorizzata li tidħol fl-iskejjel u wara jsir il-ħasil tal-idejn bis-sanitizer.
Fid-daħla ta’ kull skola se jkun hemm uffiċjali tas-sigurtà li jaraw li dawk kollha li jkunu deħlin iżommu mal-protokolli.
Fl-iskejjel trid tintlibes il-maskra, u tinżamm id-distanza kemm fil-klassijiet u fil-kurituri.
F’kull skola hemm ukoll kamra apposta fejn jiġu iżolati l-istudenti f’każ li jkun feġġ każ ta’ Covid-19 u tkun trid tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni.
Dawn il-protokolli qed isiru wkoll fil-vannijiet u l-coaches tal-iskola filwaqt li x-xufiera se jnaddfu il-vetturi wara kull vjaġġ. Kull proċess ta’ tindif u ffummigar jieħu madwar nofs siegħa.
Fil-ġimgħat li għaddew spetturi tal-Awtiorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA għamlu assessjar ta’ riskju biex jaraw li kull skola qiegħda konformi mal-protokolli ffissati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Dawn l-ispetturi indipendenti ċċertifikaw li l-iskejjel ta’ Malta u Għawdex huma konformi mal-protokolli.