Jista’ jgħoddha b’waħda.
Minn Arċisqof ta’ djoċesi ta’ miljun u mitejn elf ruħ, spiċċa f’qiegħ ta’ sodda jiġġieled għal ħajtu.
Monsinjur George Frendo, l-Isqof ta’ Tirana u Durres fl-Albanija tkellem magħna fuq l-esperjenzi li għadda minnhom fl-aħħar xhur.
Qal, “Fl-ewwel ta’ Novembru, inzerta kien il-Ħadd, qaddist fil-Katidral imma imbagħad wara l-quddiesa ħassejt id-deni u għamilt is-swab u rriżulta li kont pożittiv. Għamilt ħmistax hemmhekk kwarantina fil-Kurja stess, pero wara ħmistax-il ġurnata, id-deni kompla tiela’, għamilt scan u rriżulta li kien hemm 70% tal-pulmun li kien imblukkat u qaluli ibqa’ sejjer dritt l-isptar.”
Monsinjur Frendo, b’għeruq Qriema, qalilna kif meta kien fi sptar fl-Albanija, qalulu li dan mhux attrezzat biżżejjed biex jikkurah u għalhekk ittieħed fi sptar f’Bari, l-Italja, permezz t’ajruplan ambulanza.
Jgħid li kien xortih tajba li mar l-Italja malajr u b’hekk salva.
Spjega, “Inzerta dakinhar kien hemm diġà Missjunarju Kappuċċin u l-Kappuċċini kienu diġà rranġaw għalih biex imur l-Italja. Kumbinazzjoni dakinhar stess, wara li rranġajna mal-Kappuċċini mort jien ukoll. Kont fortunat, ħafna fortunat.”
L-Isqof Malti tal-Albanija jispjega kif il-marda tal-Covid-19 mhiex ċajta u bniedem tista’ taffettwah sew.
Nistaqsuh kienx konxju.
Qal, “Mhux għal kollox ta, fil-fatt m’għandiex idea ta’ meta li dħalt fl-ajruplan. Niftakar biss meta dħalt fl-ambulanza imma imbagħad kompletament mhux f’sensiha. Sakemm imbagħad wasalt l-isptar. Bdewli mal-ewwel il-kura, l-ossiġnu.”
Monsinjur George Frendo, li f’terremot li laqat anki inħawi tad-Djoċesi tiegħu sentejn ilu, wrew kemm huwa għandu għall-qalb id-djoċesi għax jaħseb f’kull ċittadin, qalilna kemm dam taħt l-effett tal-Covid-19.
Qal, “B’kollox għaddejt seba’ ġimgħat bil-Covid. Sadanittant il-Milied qiegħed joqrob, jien inkwetat għaliex jiena rrid inkun mal-poplu tiegħi fid-Djoċesi u wasalt hemmhekk fil-15 ta’ Diċembru, jiġifieri qrib il-Milied.”
Intant fl-intervista mal-Isqof Frendo, li kiseb anki ċittadinanza Albaniża wara kwart ta’ seklu b’ħidma hemmhekk, fosthom ħmistax-il sena bħala Isqof, saħansitra qalilna li tgħallem l-Albaniż, lingwa partikolari ħafna.
Spjegalna kif il-komuniżmu ta’ Enver Hoxha wassal għall-persekuzzjoni kbira lejn il-Knisja Kattolika fl-Albanija iżda llum din tgawdi kredibilità kbira f’dan il-pajjiż fqir fil-Balkani.
Monsinjur Frendo saħaq li differenza għall-pajjiżi oħra, l-Albaniżi llum għandhom fidi b’saħħitha fit-twemmin nisrani.
Qal, “Hemmhekk ma jħarsux lejha bħala tradizzjoni imma bħala sinjal ta’ tama u din hija xi ħaġa importanti u forsi fuq dan irridu nisħqu iżjed anki fost il-poplu tagħna illi r-reliġjon nisranija hija reliġjon ta’ tama.”