F’Malta huwa waħdu.
Ħadd m’għandu l-kundizzjoni tiegħu u forsi wkoll ftit għandhom id-determinazzjoni u l-kuraġġ ta’ sur li għandu dan it-tifel.
Jake Vella li missieru qalilna, li għal grazzja t’Alla ftit ilu għalaq għaxar snin.
Iltqajna ma’ Jake fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop fejn tħabbret edizzjoni oħra ta’ Summer on the Move, edizzjoni li għaliha Jake huwa ambaxxatur tagħha.
Qalilna li l-kundizzjoni tiegħu ta’ Rohhad Net, li taffettwa l-ormoni ġabitu f’sitwazzjoni fejn kien qed jilagħbha mal-mewt.
Jake qal kif “F’Diċembru li għadda niżilli l-melħ u ma kontx naf x’inhu jiġri, la ismi, xejn ma kont naf. U dħalt b’emerġenza l-istpar.”
Jake li l-isport iħobbu daqskemm għasfur iħobb jgħanni xi għanja ħelwa spjegalna li l-isport żammu ħaj.
Spjega kif “Għax f’dawn il-ħames snin għeni ħafna u eżempji f’Diċembru kieku ma kienx l-isports ma kontx insalva.”
Taħt xemx tiżreġ Jake kompla jispjega kif jgħix ħajja mimlija sport biex jitħarreġ għat-trianthlon.
Qalilna li ma’ sbieħ il-jum jibda jgħum u anki jaqdef kilometri bir-rota iżda huwa qatt ma basar li se jkun ambaxxatur sportiv.
Vella qal li “Għall-ewwel ma riedx imma imbagħad qaluli peress li nagħmel l-isports u hekk, qaluli biex inkun ambaxxatur.”
L-umiltà ta’ Jake hija bla qies.
Biżżejjed ngħidu li tagħna kedda biex jidher quddiem kamera u meta staqsejnih iżjed qalilna b’sitwazzjoni li tixhed kemm dan it-tfajjel huwa xempju tat-tjubija.
Spjega kif “Eżempju nkun irrid nixtri cereal bar ma nixtrihiex mingħand tal-ħanut peress li jtijieli b’xejn, immur għand tal-magna għax niddejjaq li jtijieli b’xejn.”
Tal-età tiegħu Jake diġa għadda minn ħafna iżda huwa ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn li lil hinn mit-tbatija tagħhom isibu żvog sabiex anki jgawdu ftit mill-ħlewwa li tagħti l-ħajja.
Vella qal “Jagħmlu l-isport biex mhux jaħsbu fuq dik il-ħaġa. Bl-isport tgħinek mhux toqgħod taħseb f’dik il-ħaġa biss.”