L-Ispeaker ma jilqax it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiġi diskuss il-każ ta’ DCG biex ma jiġix preġudikat il-każ.
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma laqax it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian sabiex il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jiġi diskuss fil-Parlament b’urġenza fis-seduta tat-Tnejn.
F’ruling ċar, l-Ispeaker sostna li meta l-investigazzjoni tinsab għaddejja ma teżisti l-ebda garanzija li s-sedja tista’ tikkontrolla d-diskussjoni bit-tali mod li ma tippreġudikax l-istess investigazzjoni u drittijiet tal-persuni kkonċernati fil-proċess ġudizzjarju.
Huwa rabat din id-deċiżjoni ma’ diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea biex jiġi żgurat id-dritt ta’ smigħ xieraq fi proċess ġudizzjarju.
L-Ispeaker qal ukoll li jqis li hu prematur li tissospendi x-xogħol tas-seduta tal-ġurnata biex tgħaddi għal diskussjoni fuq materja li dwarha teħtieġ attenzjoni attendibbli li tirriżulta aħjar mill-konklużjoni tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Qabel ir-ruling il-Prim Ministru tenna l-impenn tiegħu li ġaladarba jagħlqu l-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil, il-Gvern kien se jiddedika seduta sħiħa biex il-Prim Ministru jkun jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet tad-deputati kollha.