L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li fil-ħarġa tagħha lbieraħ, is-Sunday Times ma kkoreġitx artiklu żbaljat tagħha dwar il-kodiċi ta’ etika marbuta mad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri parlamentari.
It-Times kienet ħarġet rapport deskritt mill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti bħala wieħed mhux veritier meta l-gazzetta allegat li fl-elfejn u tlettax, Gvern Laburista għamel tibdil li jagħti ċ-ċans lis-sħab tad-deputati ma jiddikjarawx l-assi tagħhom.
L-Ispeaker qal li dan mhux minnu u talab lit-Times tikkorreġi r-rapport tagħha.
Illejla fil-Parlament, l-Ispeaker qal li l-ġurnalist tat-Times Matthew Xuereb kellu korrispondenza mal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fejn ġie spjegat lilu x’korrezzjonijiet jeħtieġ isiru iżda lbieraħ, fil-ħarġa tat-Times tal-Ħadd, ma saru dehru l-ebda rapport biex jikkorreġi l-artiklu mhux veritier.
Qal li l-aġir tat-Times jixhed arroganza u li għall-inqas, f’demokrazija l-gazzetta kellha tammetti l-iżball.