Il-klabb tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa, l-BASC, jaf il-bidu tiegħu f’Ġunju tal-1955, iżda t-tim dam 12-il sena mingħajr pixxina. F’dak il-perjodu, it-tim affaċċja diversi sfidi, madanakollu, fl-aħħar tas-snin sittin it-tim beda jerġa’ jikkompeti, sakemm fil-bidu tal-millenju l-ġdid, il-pixxina tal-ilma baħar spiċċat vaska kbira mimlija alka.
Għal diversi snin, minkejja li l-klabb ma kellux pixxina adegwata baqa’ attiv, iżda fl-2013 feġġ raġġ ta’ dawl hekk kif bdew il-pjanijiet għall-pixxina professjonali kompluta.
Fl-2017 ix-xogħol ġie uffiċjalment inawgurat u minn dakinhar il-klabb reġa’ beda jikkompeti fil-kampjonat tal-waterpolo lokali. Tant li wara sentejn jikkompeti, it-tim tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa wasal fl-ogħla livell tal-kampjonat, jiġifieri, l-Premier.
Crew ta’ ONE News żar il-kumpless, fejn hemmhekk tkellimna mat-team manager tat-tim fejn saħaq li l-ħidma bla waqfien wasslet għal dawn ir-riżultati.
“Bdejna fit-2017 erġajna u l-pjan beda minn hemm, jiġifieri l-pjan mhux issa beda għax kumbinazzjoni spiċċajna fil-Premier f’dawn l-aħħar sentejn ħa nibdew minn issa x’se nagħmlu.”
Chris Sladden tenna wkoll illi apparti t-tim tal-kbar, il-klabb għandu nursery b’saħħitha.
“Il-proġett ta’ dan il-klabb huwa li jibqa’ jtella’ t-tfal, nibqgħu naraw il-frott, jibqa’ tiela’ dak iċ-ċiklu u bil-mod il-mod dawn it-tfal jibdew jieħdu posthom mat-tim tal-kbar.”
Dan il-proġett, li jikkumplimenta l-entużjażmu ta’ kumitat ħabrieki, qed iwassal biex anke l-klabb ikompli jifrex aktar dan l-isport.
Hekk saħaq magħna s-Segretarju tal-Kumitat Joseph Esposito.
“Din is-sena wara nuqqas ta’ sentejn erġajna għaqqadna t-tim tan-nisa, peress li huwa kollha għadhom żgħar, għax hemm minnhom li għandhom 13 sa 17-il sena ħassejna li din is-sena kulma jridu jagħmlu huwa li jitħarrġu biex jitgħallmu l-logħba kif tintlagħab u forsi jekk k’Alla jrid fil-kampjonat tax-xitwa nerġgħu nieħdu sehem bit-tim tan-nisa.”