Waqt li f’dawn il-jiem hija prassi li jiftaħ l-istaġun tal-insib, din is-sena in-nassaba jinsabu fuq ix-xwiek jistennew deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-istaġun.
Madanakollu, bid-differenza għas-snin l-imgħoddija, din is-sena hemm inċertezzi kbar fost il-komunità tan-nassaba fid-dawl tad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti Ewropea dwar l-insib tal-għasafar tal-għana.
Din id-deċiżjoni mistennijja jkollha impatt ukoll fuq l-insib tal-pluviera u l-malvizz, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea kienet stqarret li qiegħda tistenna l-eżitu tad-deċizjoni fuq l-insib tal-għasafar tal-għana.
ONE News żar ħanut fir-Rabat u tkellem ma’ bosta nassaba dwar dan id-delizzju. Evidenti fuq wiċċhom id-dispjaċir għas-sentenza tal-Qorti Ewropea.
“Xi ħaġa ma jistgħux jirranġawna lilna allura? Jirranġaw lil kulħadd, lil kulħadd irranġaw, lilna biss ma jistax itina meta postjiet oħra insemmihom, Franza jonsbu, Spanja jonsbu, allura aħna biss ma nonsbux”
Clint Zahra, nassab żagħżugħ, qal li ilu jmur jonsob sa minn ċkunitu.
“L-insib jiena trabbejt mal-kuġin u mad-daddy, kien jeħodni minn mindu kont żgħir, jien qas għax-xogħol issa ma mmur, nieħdu l-leave, nippreparaw il-leave minn sena qabel, ma nafx x’se naqbdu nagħmlu mingħajr dan id-delizzju jien u sħabi.”
Kontra għal perċezzjoni ta’ ħafna wieħed min-nassaba spjegalna kif l-għasfur huwa l-mimmi t’għajnejn in-nassab, u tul is-snin huma jaraw li l-għasafar li jkunu qabdu jkunu ndukrati bl-aħjar mod possibbli:
“L-għasfur barra jgħix 3 snin, u ġo dari, bil-mediċina li ntuh, jgħix 6 jew 7 snin.”
Diversi nassaba oħra stqarrew ukoll id-dispjaċir tagħhom dwar kif il-Partit Nazzjonalista kien daħaq bihom wara li fl-2004 kienu twiegħdu u saħansitra ntbatulhom ittri li d-delizzju tal-insib kien se jissaħħaħ, madankollu r-realtà kienet differenti ferm.