Binja fl-Imġarr li kienet tintuża mill-korporazzjoni tal-ilma se ssir is-Sede għas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema.
Lejlet il-Festa ta’ Santa Marija fl-Imġarr tħabbar li l-binja, li tinsab tefa’ ta’ ġebla ‘il bogħod mill-Knisja parrokkjali, se tilqa’ fiha l-Kumitat, bandisti u allievi kif ukoll soċi f’dak li se jkun l-ewwel każin tal-banda fir-raħal.Banda li għadha pjuttost ġdida hekk kif din is-sena qed tfakkar l- għaxar sena mit-twaqqif tagħha.
L-ewwel laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv kienet saret f’Ottubru tal-2011 f’għalqa, sakemm imbgħad bdew isiru fl-Oratorju Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Hemmhekk kien isir ukoll it-tagħlim tal-mużika, fejn tfal u żgħażagħ mir-raħal attendew bi ħġarhom. Eventwalment sar ftehim mal-Kunsill Lokali biex illum il-laqgħat u t-tagħlim tal-miżuka qed isiru fil-binja amministrata mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr.
Il-President tas-Soċjetà Giovanni Gatt tenna l-ferħ tiegħu li ħolma qed issir realtà.
“Kulħadd qiegħda katina magħna biex din il-banda kibret u daqqet f’parroċċi oħrajn, idoqq fil-festa tal-Imġarr u b’xejn, u ngħallmu b’xejn. Huwa xi ħaġa sabiħa li tati das-servizz. Hemm il-kuraġġ u hemm is-saħħa.”
Is-Sibt filgħodu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żar il-binja li se tinbidel f’Sede, huwa tenna li l-infrastruttura mhix biss toroq, imma anke proġetti oħra fil-komunitajiet.
Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’numru ta’ lokalitajiet madwar il-pajjiż.
“Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun qed jassisti issa ġaladarba joħroġ il-permess biex din tiġi konvertita f’ċentru fejn ikun hawn it-tagħlim tal-mużika u post fejn wieħed jista’ jiltaqa’ u l-komunità tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tagħha.”