L-FIAU implimentat il-pjan t’azzjoni kollu fuq medda ta’ sitt xhur sabiex issa l-kummissjoni Ewropea u l-Awtoritá Bankarja Ewropea jinsabu kuntenti bil-progress u t-tibdil drastiku li l-FIAU għamlet.
Id-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia spjega kif l-FIAU żviluppat sistema teknoloġika ġdida u si lt elettroniku li fih tkun tista’ tiddaħħal l-informazzjoni miksuba mingħand l-operaturi, u aġenziji oħrajn sabiex is-sistema tkun tista’ tagħmel l-assesjar tar-riskju, u b’hekk ikunu identifikati fejn hemm probabiltajiet ta’ operazzjonijiet kriminali.
L-FIAU imbgħad fuq dak l-assesjar tagħmel is-superviżjoni li wkoll ġiet msaħħa permezz ta’ strateġija ġdida. Farrugia stqarr li ġiet imsaħħa wkoll il-governanza u l-infurzar. Inizjattivi li diġa qed iħallu l-frott.
“Diġa beda jidher ir-riżultat. Anke jekk wieħed jara l-multi li ħarġet l-FIAU fl-2019, qbiżna t-tlett miljuni diġa in terms ta’ multi. Ħriġna wkoll mhux biss multi, jiġifieri qed nitolbu subject persons biex ituna action plans, ituna x’qiegħdin jagħmlu, nitolbu anke biex ituna follow up actions u anke external opinions mingħand xi ħadd indipendenti biex jikkonferma li dak li qed jagħmlu huwa ma dak li aħna qbilna.”
Saħaq li dan ma kienx ikun possibli kieku ma sarx investiment qawwi fuq ir-riżorsi umani tal- Unit. Stqarr li t-transformazzjoni saret f’sitt xhur. Stqarr li għalkemm il-parti analitika ma kienet kritikata mill-ebda istituzzjoni, xorta waħda qed isir tibdil għall-aħjar ukoll sabiex dejjem jitjieb l-operat. Farrugia stqarr kif il-gvern jidher li huwa impenjat f’din il-ġlieda kontra l-kriminalitá finanzjarja hekk kif qed jinvesti iżjed fl-FIAU.
“Qed insibu s-support mill-Ministeru tal-Finanzi in terms ta’ funding, jiġifieri, jekk wieħed jara l-budget tal-FIAU fit-2017 kien ta’ miljun, fl-2018 prattikament tela’ għal għaxar miljuni. Kiber b’għaxar darbiet. U dak l-investiment qed isir biex aħna nsaħħu l-ġlieda u jkollna iktar intelliġenza u nkunu nistgħu ngħaddu iktar rapporti ta’ kwalitá lill-pulizija biex b’hekk aħna nkunu nistgħu nieħdu azzjoni kontra dawk li jkunu qiegħdin jiskru l-liġi.”