Koppja, li hija ta’ ispirazzjoni għall-bosta, nisslet emozzjoni kbira hekk kif libsu ċ-ċurkett. Kienu bosta li attendew għaċ-ċerimonja li kienet miftuħa għall-pubbliku.
Il-koppja semmat leħinha wara li Bjorn instab li għandu l-ALS, marda kronika u terminali li mhux qed taqtalu qalbu milli jagħmel kuraġġ lill-ħaddieħor. Kien ftit tal-jiem ilu li Bjorn, li għandu l-ALS kiteb fuq is-sit soċjali facebook li l-marda tiegħu avvanzat tant li sab ruħu jiddiskuti tmiem ħajtu mat-tabib tiegħu, ftit jiem ilu. Iżda huma bosta li jammirraw lil dan iż-żagħżugħ li minkejja l-battalji li jrid jiġġieled kuljum jibqa’ pożittiv u jsib is-sabiħ fil-ħajja.
Bjorn kien qal li din jaf tkun l-aħħar sena ta’ ħajtu u li għalhekk jrid igawdiha ma’ dawk li l-aktar iħobb, fosthom ma’ dik li issa se ssir martu, Maria.
Saħħet Bjorn Formosa dan l-aħħar ma kinitx mill-aħjar. Tliet ijiem ilu kiteb li dalwaqt jagħlaq tletin u ma jafx jekk din hix se tkun l-aħħar sena ta’ ħajtu. Madanakollu stqarr li għandu tieġ pjanat, u minkejja ż-żminijiet diffiċli, se jibqa’ jimbotta bit-tama li tinstab kura li tgħin nies oħra.