Erba’ persuni, żewġ periti, kuntrattur u ħaddiem tressqu l-Qorti mixlija fost l-oħrajn bi qtil involontarju ta’ Miriam Pace, omm ta’ erbgħa u ħamsin sena li mietet mirduma wara li ġġarfet darha fil-Ħamrun.
Xahar u ġimagħtejn wara, ġiet konkluża l-inkjesta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit dwar din it-traġedja u tressqu l-Qorti b’arrest, l-Perit tal-proġett Roderick Camilleri ta’ 36 sena, is-Site Technical Officer l-Perit Anthony Mangion ta’ tnejn u sebgħin sena residenti l-Gżira.
Il-Kuntrattur tal-proġett Ludwig Dimech ta’ sitta u tletin sena, li joqgħod Ħaż-Żebbuġ.
U Nicholas Spiteri ta’ 42 sena li joqgħod l-Imqabba u jaħdem mal-kuntrattur responsabbli.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-prosekuzzjoni immexxija mill-ispettur Robert Vella u l-ispettur Matthew Galea, akkużat lill-erba’ persuni li bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace u wasslu wkoll għal ħsara fuq il-proprjetà tal-familja Pace u propjetajiet oħra fl-istess triq.
Il-Perit Mangion ġie mixli li bħala site officer naqas li jkun preżenti fuq is-sit ta’ kostruzzjon kull meta kienu qed jittieħdu ċertu deċiżjonijiet.
Il-Perit Mangion, il-Perit Roderick Camilleri u l-kuntrattur Ludwig Dimech, li huwa riċediv, ġew akkużati wkoll li sabiex jiksbu xi vantaġġ jew benefiċċju għalihom innfushom jew għal ħaddieħor għamlu dikjarazzjoni falza.
Il-prosekuzzjoni sostniet li kemm-il darba ż-żewġ periti jinstabu ħatja fuq dan il-każ, titieħdilhom jew tiġi sospiża l-liċenzja ta’ perit.
Meta permezz tal-avukati tagħhom, l-erba’ akkużati talbu għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni m’oġġezjonatx ġa ladarba jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjonijiet li jirrifletu l-gravità ta’ dan il-każ.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tat il-ħelsien mill-arrest lill-erba’ persuni fuq għadd tal-kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw fl-għassa tal-lokal tagħhom darba fil-ġimgħa.
Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali li tvarja bejn is-€7,000 u €8,000 u depożitu ta’ €1,500.
Minħabba l-Coronavirus ż-żewġ periti mhux se jiffirmaw fl-għassa minħabba li huma meqjusa bħala persuni vulnerabbli u ma jistgħux joħorġu.
Preżenti fl-awla kien hemm Carmel Pace li fit-2 ta’ Marzu ħajtu nbiddlet mil-lejl għal nhar għax tilef lil martu u spiċċa bid-dar mġarrfa.
B’rabta ma’ dan il-każ, xahar ilu, il-Prim Ministru kien ħatar kumitat biex jeżamina u janalizza l-qafas regolatorju fis-settur tal-kostruzzjoni.
Dan il-kumitat jinsab immexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.