Is-sena d-dieħla pajjiżna se jorganizza l-ewwel Konferenza dwar l-Investiment Dirett Barrani tal-Commonwealth.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tal-ftuħ tal-Commonwealth Business Forum f’Londra, fejn spjega li għal dan l-avveniment se jkunu mistiedna f’pajjiżna bosta aġenziji ta’ promozzjoni, negozji żgħar u medji u korporazzjonijiet internazzjonali.Il-Prim Ministru, li qed jippresjedi l-Commonwealth Business Forum f’Londra, spjega kif dan is-Summit ta promozzjoni tal-investiment qed jittella’ f’punt kritiku fl-istorja, fejn il-pajjiżi tal-Commonwealth jistgħu jkunu ta’ eżempju kif il-kollaborazzjoni internazzjonali tista’ tfisser ħidma ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti u t-tisħiħ ta’ valuri bħas-swieq miftuħin u l-kummerċ ġust.
Dan, per eżempju hekk kif il-lingwa Ingliża flimkien ma’ qafas regolatorju u valuri kulturali komuni jagħmlu b’mod li n-negozju fi ħdan dan il-grupp ta’ pajjiżi jiswa madwar dsatax fil-mija inqas.
Minn naħa tiegħu, ic-Chairman tal-Kunsill tal-CommonWealth għall-Intrapriża u l-Investiment, Lord Marland sostna kif pajjiżna, li ħa t-tmexxija tal-Commonwealth lejn l-aħħar tal-elfejn u ħmistax, taha ħajja ġdida.
Minn dak iż-żmien l-Indja qed taħdem iktar mal-Commonwealth, pajjiżi fl-Afrika qed jiffirmaw ftehimiet ta’ negozju, u l-Kanada qed tara l-potenzjal ta’ dan il-grupp ta’ pajjiżi.
Din l-organizzazzjoni, li qal kienet għarkupptejha, sabet l-appoġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat u t-tim tiegħu, u llum tilqa’ fiha ħamsa u sittin sieħeb strateġiku.
Tenna wkoll li nfetħu żewġ uffiċċji ġodda, u ttellgħu numru ta’ summits, fosthom mas-Sawdi Arabja. Dan minbarra l-logħob tal-Commonwealth u ż-żewġ business forums li ttellgħu fl-Awstralja.
Intant, Lord Marland issekonda d-diskors tal-Prim Ministru Malti, u bagħat messaġġ ċar lir-Renju Unit, u lil hinn, li negozju miftuħ u investiment f’din l-għaqda ta’ pajjiżi mimlija talent toffri opportunitajiet kbar ta’ negozju, investiment, u tkabbir għal kulħadd.