Il-fatt li t-terminu elettorali ta’ ħames snin issa qed joqrob lejn tmiemu u għalhekk elezzjoni ġenerali tinsab wara l-bieb qed jagħmilha diffiċli biex id-deputati ineħħu lil Bernard Grech kif kienu għamlu lil Adrian Delia.
Dan ikkonfermah id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone meta staqsejnieh għaliex Bernard Grech mhux jirċievi l-istess trattament li Delia rċieva wara li kien ġab riżultati tas-surveys li huma ugwali għal dak ta’ Bernard Grech.
Hermann Schiavone: “Iċ-ċirkostanzi ta’ dakinhar għal-lum huma, qatt ma jkunu l-istess.”
Ġurnalist: “X’inbidel?”
Hermann Schiavone: “Inbidel iż-żmien fil-leġiżlatura if anything hux.”
Għaldaqstant Hermann Schiavone kkonferma kif Adrian Delia kien tneħħa minn Kap wara r-riżultati ħżiena li kien ġab fis-surveys.
Riżultati li ma nbidlux fi żmien Bernard Grech, tant li dan qed inaqqas.
Schiavone qal: “Kien hemm motivazzjoni min-numri iva għaliex is-surveys kienu ħżiena.”
Il-mistoqsija naturali għalhekk kienet jekk jaħsibx li kien żball li tneħħa Adrian Delia wara li llum Bernard Grech fit-tmexxija, il-Partit Nazzjonalista baqa’ fejn kien.
Filwaqt li ma eskludiex li seta’ kien żball li tneħħa Delia, Schiavone temm jgħidilna kif kull min qiegħed fil-partit irid jagħmel eżami tal-kuxjenza biex jevalwa l-pożizzjoni tiegħu.
Ġurnalist: “Kien żball li neħħejtuh lil Adrian Delia?”
Hermann Schiavone: “Inutli wieħed joqgħod iħares jekk kienx żball, mhux il-każ. Il-każ huwa li kulħadd inkluż jiena rridu nagħmlu l-eżami biex naraw kif l-aħjar inservu l-partit.”