F’Jum il-Mara, mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela appellat lin-nisa biex jedukaw ruħhom u jkunu dejjem determinati, għaliex fil-fehma tagħha, l-edukazzjoni u d-determinazzjoni huma ċ-ċavetta għas-suċċess.
Hija qalet kif it-tisħiħ tal-ugwaljanza għandu jkun l-ogħla priorità fit-tiġdid ta’ soċjetà demokratika u poplu magħqud.
Innotat b’sodisfazzjon il-ħafna inċentivi u deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin u li wettqu rivoluzzjoni siekta fil-pajjiż.
Dr Abela stqarret, “F’dawn l-aħħar xhur iltqajt ma’ numru ta’ nisa li tant għamluni kburija u ferrħuni bl-istejjer tagħhom, minn żgħażagħ tfajliet li ma kinux kuntenti kif forsi kienu jkunu ġenerazzjoni ilu li jkollhom sempliċi xogħol, imma riedu karriera. Għalhekk għamlu sagrifiċċji, studjaw wara l-ħin tax-xogħol fl-istess ħin li kienu qed irabbu familja sabiex ikunu jistgħu jieħdu promotion li forsi sa ftit tas-snin ilu lanqas biss kienu joħolmuha.”
Filwaqt li rrikonoxxiet il-passi ta’ ġgant li għamlet il-mara fis-soċjetà Maltija, Lydia Abela elenkat ukoll l-isfidi għall-futur.
Saħqet li fost l-oħrajn, trid tiġi indirizzata l-inugwaljanza finanzjarja bejn is-sessi u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika.
Is-Sinjura Abela kompliet tgħid, “Irridu naraw ukoll kif se nkomplu niġġieldu l-pjaga tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika billi iva nedukaw li qatt mhu aċċettabbli li twettaq abbuż fiżiku, emozzjonali jew sesswali fuq persuna oħra, billi nassiguraw l-indipendenza finanzjarja u billi nagħtu aktar protezzjoni lil persuni vulnerabbli permezz tat-tisħiħ tas-servizzi.”
B’dan kollu fl-isfond, Lydia Abela qalet li hemm ħafna aktar xi jsir.
Fakkret iżda li r-riżultati jitkellmu waħedhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol.
“Nisa attivi fis-soċjetà jagħmlu differenza, f’kull qasam – fl-edukazzjoni, fl-arti, fl-isport, fil-politika. Għandna x’nirbħu bħala pajjiż jekk mhux biss l-irġiel imma anki n-nisa, flimkien, jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada.” Ikkonkludiet tgħid.