Fl-isfond tal-antifona tal-mużiċista Carlo Diacono, f’Bormla ġiet iċċelebrata l-festa tal-Kunċizzjoni.
Din l-antifona li nkitbet kważi mitt sena ilu, titkanta fl-aħħar tal-quddiesa solenni u wara d-disat ijiem tan-Novena.
Disat ijiem li matulhom il-Bormliżi jbakkru ta’ kuljum fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu.
L-Erbgħa fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla ntlaħaq il-qofol tal-festa, bil-quddiesa solenni, li kienet ikkonċelebrata mill-Kanonku Emmanuel Schembri.
Il-paniġierku kien minsuġ mill-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Karm Refalo.
Il-Knisja kienet armata bl-isbaħ armar u f’nofsha spikkat l-istatwa titulari, b’Marija wieqfa fuq is-serp li jirrapreżenta l-ħażen.
Fil-paniġierku, Monsinjur Refalo appella sabiex kulħadd iħares lejn l-għeruq, hekk kif fil-kontinent Ewropew biss qed tintilef il-fidi fil-Knisja Kattolika.
Il-Jum ta’ Marija Immakulata huwa mfakkar mill-Knisja Kattolika u jiċċelebra t-tnissil ta’ Marija bla dnub tan-nisel.
Kien fit-tmienja ta’ Diċembru tal-1854, meta Papa Piju IX iddefinixxa d-Domma tal-Immakulata.
Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm fost l-ogħla awtoritajiet, inkluż mart il-Prim Ministru Lydia Abela, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.
F’din il-quddies tħabbar kif is-sena d-dieħla, l-istatwa devota tal-Kunċizzjoni se toħroġ darbtejn mat-toroq tal-belt Bormliża.
L-ewwel purċissjoni se tkun f’Lulju, hekk kif fl-2022, Bormla se tfakkar żewġ anniversarji.
L-ewwel wieħed ifakkar tliet mitt sena mindu Bormla ħadet it-titlu ta’ belt mill-Gran Mastru Zondadari.
It-tieni anniversarju jiċċelebra mitejn sena mindu l-Knisja ta’ Bormla saret Kolleġġjata.
It-tieni purċissjoni se ssir f’jum Marija Immakulata bħal-lum sena.