It-tliet żgħażagħ akkużati bil-ħtif tal-vapur El Hiblu 1 inżammu taħt arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’terroriżmu.
Dan wara li allegatament – wara li ġew salvati mill-għarqa – ordnaw lill-kaptan biex ibaħħar lejn Malta, minflok lejn il-Libja.
Fil-Qorti nstema’ kif tnejn minn dawn l-akkużati huma minuri ta’ 15 u 16-il sena filwaqt li l-ieħor li għandu 19-il sena.
Jekk jinstabu ħatja, it-tliet żġħażagħ li qed jiġu akkużati fuq reat ta’ terroriżmu jistgħu jingħataw sentenza li tvarja bejn 7 snin u għomor il-ħabs.
Abdalla Bari ta’ 19-il sena mill-Guinea wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fil-każ taż-żewġ żgħażagħ l-oħra mill-Guinea u Kosta tal-Avorju l-Qorti ordnat divjet fuq isimhom minħabba li huma minorenni.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Crista Armeni spjegaw li bħalissa t-tanker jinsab miżmum fil-post fejn trakka f’Boiler Wharf l-Isla sakemm jitkomplew l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.
Huma qalu wkoll li l-Kaptan Tork u l-5 membri tal-ekwipaġġ mistennija jkunu x-xhieda ewlenin f’dan il-każ.
Id-difiża spjegaw kif dawn il-minorenni għandhom jitpoġġew taħt ordni ta’ ħarsien u spjegaw kif dawn għandhom id-dritt li jiġi allokat lilhom ħaddiem soċjali sabiex iħarishom.
Filwaqt li laqgħet dan il-parir, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat sabiex it-tliet ġuvintur jinżammu arrestati fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin u fil-Faċilita tal-YOURS fl-Imtaħleb.