Il-kunċett imħabbar fil-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni t-tfal jiġifieri li foster carers ikunu jistgħu jadottaw lit-tfal li jkunu qegħdin irabbu wara għaxar snin, mistennija toffri stabbilità lit-tfal li jkunu fil-fostering.
Saħqet dan Yana Caruana li għal dawn l-aħħar tnax il-sena ffosterjat b’imħabba ta’ omm lil diversi tfal.
Yana qalet kif sa issa rat diversi tfal li ddiskreviet bħala mitlufa għax il-ġejjieni tagħhom hu wieħed inċert u ma jafux x’ser jiġri għada.
Il-liġi mħabbra l-ġimgħa l-oħra mill-Ministru Michael Falzon wara li ġiet approvata mill-Kabinett ser tinkorpora fiha lil dawk kollha li matul l-aħħar snin kienu fil-fostering, jiġifieri min bħal Yana ilu tnax il-sena jiffosterja ser ikun jista’ japplika b’mod awtomatiku.
Kif tispjega wkoll Josephine Muscat – Service Manager tal-Fostering fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ.
Is-Sinjura Muscat qalet li din l-emenda hija mmirrata biss għat-tfal anke jekk se jgawdu minnha l-foster carers.
Allura l-istabbilità tat-tfal tibqa’ fost l-aktar fatturi importanti u meqjusa kolonna ta’ din il-liġi li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika.
Din l-emenda mhu ser tnaqqas l-ebda dritt li bħalissa jgawdu t-tfal jew il-ġenituri bijoloġiĊi tagħhom, jiġifieri wara għaxar snin jekk kemm-il darba jkun hemm il-kunsens tas-social worker, it-tfal xorta waħda ser ikunu jistgħu jaraw lill-ġenituri tagħhom.
Iżda li trabbi tifel jew tifla li mhux demmek u li tagħtihom l-imħabba daqs li kienu tiegħek xi tfisser għal Yana?
Jien għalija l-isbaħ deċiżjoni meta tkun taf li għal ftit żmien jew twil, għint lil dawn it-tfal li spiċċaw f’din is-sitwazzjoni u mhijiex sabiħa.