Jumejn ’il bogħod mill-ftuħ mill-ġdid tal-ħwienet meqjusa mhux essenzjali, li fl-aħħar ġimgħat kienu magħluqin bħala parti mill-pjan tal-Gvern biex jikkontrolla l-imxija, bosta sidien jinsabu ħerqana biex jerġgħu jilqgħu lill-klijenti.
ONE News żar ħanut tal-ħwejjeġ f’Raħal Ġdid, fejn sab lil sidt il-ħanut għaddejja bl-aħħar tħejjijiet biex tassigura li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha favur is-saħħa tal-klijenti.
Qalet li fil-perjodu li kienu magħluqin, minkejja li kulħadd għamel ħiltu biex jadatta, ħafna mill-klijenti tagħha ppreferew jistennew biex ikunu jistgħu jmorru jixtru fil-ħanut flok jordnaw online.
Qalet, “Il-parti tat-tindif u l-preparazzjonijiet tas-soltu li taħseb sew fuq ir-rikjesti tal-klijenti. Diment li se jsiru l-okkazjonijiet peress li aħna nieħdu ħsieb iżjed okkażjonijiet bħal praċetti u griżmi, kienu bosta dawk li kellhom bżonn il-ħwejjeġ u allura trid tara li għandek kollox preparat, tara li għandek id-daqsijiet kollha tal-ħwejjeġ u li m’għandek xejn nieqes ħalli minn nhar it-Tnejn nerġgħu nibdew bir-rutina.”
Żorna wkoll ħanut tas-sbuħija f’Santa Luċija.
Hemmhekk sibna lil Romina Barun għaddejja bit-tindif u t-tqegħid tal-prodotti fuq l-ixkafef, fejn saħqet fuq l-importanza li tinżamm l-iġene.
Spjegat, “Il-moħħ u l-attenzjoni, jiena ngħid għalija l-ħin kollu moħħni hemm xi mmiss u xi jmissu l-klijenti biex inkun fil-pront li nnaddaf wara. Moħħi ħin kollu qiegħed jaħdem anke meta jiena nkun qed nagħti t-trattament. Jekk bażikament ħa naqbad xi prodott jien rrid naħsel idejja qabel naqbad dan il-prodott. Ħa nuża tagħmir protettiv, nieħu li għandi bżonn, ħa nagħlqu u mbagħad immur immiss il-klijent.”
Il-Gvern kien ħabbar l-għeluq tal-ħwienet mhux essenzjali fl-għaxra ta’ Marzu bħala parti minn pjan meqjus biex tonqos il-firxa tal-virus.