Każ li seħħ il-Ħadd waranofsinhar fl-Imsida tefa’ dawl fuq esperjenzi li għadhom jgħaddu minnhom persuni trans fis-soċjetà tagħna.
Tkellmet ma’ ONE NEWS Raquel, li qed issostni li meta marret tixtri żewġ pastizzi wara ġurnata xogħol, kienet insulentata minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha.
Fuq Facebook spjegat kif raġel li kien ħdejn il-ħanut qalilha biex minflok pastizz tieħu sausage roll. Dik il-kelma żejda u mhux flokha nbidlet fi ġlieda wara ġurnata xogħol, qabel suppost qabdet tal-linja.
Raquel Richards sostniet: “Jiena m’inix ħa niġi msawta, għall-ebda mod, għall-ebda mod orrajt? Jiena ġejt abbużata mentalment, fiżikament u kull tip ta’ abbuż li jeżisti. Jien mhu se nħalli lil ħadd u ma nagħti ċ-ċans lil ħadd f’ħajti li jerġa’ jabbuża mis-sitwazzjoni tiegħi.”
Fost r-reazzjonijiet għall-inċident kien hemm dak tal-‘Malta Gay Rights Movement’, l-MGRM.
Alex Caruana, uffiċjal ta’ din l-organizazzjoni, stqarr kif sfortunatament dawn l-inċidenti mhumiex każijiet iżolati daqs kemm naħsbuhom.
Alex Caruana mill-MGRM stqarr: “Sfortunatament dawn l-inċidenti isiru u ma nkunux nafu bihom. Għax ħafna mir-rapporti qatt ma jaslu għand il-pulizija jew qatt ma jaslu għand l-MGRM imma jien bħala persuna trans naf illi sħabi pereżempju kienu Paceville u ġew attakkati, kienu l-MTV u ġew attakkati. Sfortunatament il-liġijiet qiegħdin hemm iżda il-mentalitá fil-poplu għadha ma nbidlitx.”
Mistoqsija dwar għaliex m’għamlitx rapport lil pulizija Raquel qalet li ma ma kienx l-iskop li għamel ħsara lil din il-persuna u żiedet li ma tantx tixtieq terġa’ tmiss ma’ qrati.
Saħqet li tkellmet bil-għan li s-soċjetà tifhem li mhux kollox ward u żahar anke jekk pajjiżna għamel qabża ‘l quddiem favur drittijiet għall-persuni LGBTIQ+.