Kien fl-ewwel ta’ Awwissu tal-1990 meta twaqqfet Rainbow Productions Limited, sakemm fis-17 ta’ Diċembru tal-1999 din evolviet għal dik li nafuha llum ONE Productions.
ONE huwa stazzjon li ra ħafna u ħafna produzzjonijiet, laqa’ fi ħdanu u rawwem bosta persuni fil-qasam tal-midja u ta ċans lil ħafna individwi biex jimirħu u jissaħħu fil-karriera tagħhom.
Kont taf li kien ONE, magħruf qabel bħala super one, kien l-ewwel stazzjon televiżiv privat li beda jxandar fl-1994.
Dan mhux biss hekk kif ONE Radio, magħruf qabel bħala Super 1 Radio, kien ukoll l-ewwel stazzjon radjufoniku privat li beda jxandar.
ONE llum il-ġurnata jħaddem madwar 140 persuna li kollha jagħmlu parti mill-familja ta’ dan l-istazzjon, għandu tliet studjos tar-Radju u kif ukoll ħames studjos televiżivi.
Tajjeb li nsemmu wkoll kif l-ewwel xandara tal-aħbarijiet fuq ONE kienet Simone Ċini filwaqt dik veterana hija Antoinette Falzon.
Tul is-snin one kompla jevolvi, jissaħħaħ u jinvesti, bla ma qatt ma qagħad lura milli jżomm maż-żminijiet u jkompli joffri prodott ta’ kwalità kif proprju jixhdu l-istatistiċi.
Ma jonqosx ukoll li nsemmu lil Zuzu magħruf ukoll bħala Nunu li tul dawn l-aħħar snin sar residenti permanenti tal-istazzjon. Iħuf għall-ikel, jindiegħes għal ftit imħabba u jgawdi nagħsa ħelwa fuq is-sufan b’biċċa speċjali li titħalla proprju għalih.
Tul is-snin ONE għamel bosta kisbiet, u dan ma kienx ikun possibbli wkoll grazzi għad-dedikazzjoni tat-tim kif ukoll għat-telespettaturi li ta’ kull jum joffru l-appoġġ tagħhom.