Kont taf li… 10 fil-mija tal-popolazzjoni għandha d-dislessija. Imma stenn, qabel xejn imbilli ħa nibda nħabaq fuq id-dislessija, taf x’inhi?
Id-dislessija hija terminoloġija li tfisser diffikultà bil-kliem, li tista’ taffettwa l-qari, il-kitba jew anke l-konċentrament ta’ persuna. Madanakollu, persuni li għandhom id-dislessija jeċċellaw fil-mod kif jaħsbu u janalizzaw, huma kreattivi u tajbin biex isolvu puzzles li jirrikjedu l-ħsieb.
Li hu żgur hu li d-dislessija m’għandha xejn x’taqsam mal-livell ta’ intelliġenza li jkollu persuna, imma hija biss mod differenti ta’ kif wieħed jitgħallem minn dak li aħna mdorrijin bih f’sistema edukattiva dinjija tal-one size fits all.
Tant, li hawn numru ta’ persuni bid-dislessija li aħna nammiraw fosthom għax għamlu suċċess f’ħajjithom bħal pereżempju l-kompożitur Mozart, ix-xjentist li vvinta t-telefown Alexander Graham Bell u anke l-kantant famuż tal-Beatles John Lennon.
Hawn ftit prattiċi, b’mod speċjali fl-iskola, biex jgħinu studenti bid-dislessija jirnexxu f’dinja li mhix għalihom. Heh, imma nistħajjilkom tgħidu xi trid tgħid biha din, dinja li mhix għalihom?… mela x’inhu! Immaġinak inti għawwiem prim iżda ma tafx tiżfen, imma biex naraw il-kapaċità tiegħek bħala persuna trid bilfors tgħaddi minn eżami taż-żfin, allura l-abbiltà tiegħek verament ma tidhirx. L-istess il-persuni bid-dislessija.
Id-dislessija għandha spettru; ta’ min tkun severa u ta’ min tkun moderata, filwaqt li anke tvarja minn perjodu għall-ieħor.
L-ewwel semmejt persuni famużi bid-dislessija, però ma semmejtx l-attur Henry Winkler, li kien interpreta l-karattru komiku ta’ Fonzie fis-sitcom Amerikana tas-snin 70 u 80 Happy Days.
Winkler, huwa attur ieħor bid-dislessija li skopra li għandu d-dislessija meta kien adult, huwa wkoll voċiferu fuq id-dislessija u saħansitra kiteb ktieb għat-tfal bbażat fuq karattru li jkollu l-istess sfidi li kien iltaqa’ magħhom meta hu kien għadu ċkejken.
Minkejja li ġeneralment id-dislessija tiġi identifikata fost it-tfal, bosta jiskopru li għandhom id-dislessija meta jsiru adulti. Għalhekk, ġieli din tista’ ssarraf f’ansjetà fost l-istudenti bid-dislessija, għaliex jafu li anke jekk jagħmlu l-almu massimu tagħhom, ġieli dan ma jkunx biżżejjed biex ilaħħqu ma’ studenti oħrajn.
U għalhekk intemm b’appell biex ikun hawn ferm aktar għarfien dwar id-dislessija, u minkejja x-xahar ta’ Ottubru jkun iddedikat għad-dislessija, il-prattiċi dwar tagħlim differenti għandu jkun fuq l-aġenda tal-politika biex b’hekk jiġi żgurat li l-abiltà ta’ kull persuna tkun magħrufa u anzi tiġi sfruttata għall-benefiċċju tagħha.