Il-Berġa ta’ Kastilja u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Sinonimi għal bosta. Iżda dan mhux dejjem kien il-każ. Allura, lil min kienet isservi l-Berġa ta’ Kastilja?
Oriġinarjament, il-Berġa kienet isservi lill-Kavallieri.
L-espert dwar il-Patrimonju Kulturali, Joe Magro Conti, qal, “Kienu għażlu l-iktar post għoli fejn hawn il-Berġa ta’ Kastilja biex jibnu dak li jgħidulu l-Auberge tagħhom. L-auberge huwa kunvent. Dawn ftakru li huma monastiċi, kienu qishom patrijiet jgħixu flimkien, jieħdu l-vot taċ-ċelebat ukoll u tal-kastitá u allura jgħixu bħala patrijiet peró primarjament il-missjoni tagħhom kienet apparti jkunu reliġjużi jkunu wkoll ospitaliera.”
Kastilja mhux minn dejjem kienet din il-ġawhra li nitpaxxew naraw. Magro Conti spjegalna li l-ewwel verżjoni ta’ Kastilja kienet kmamar tal-injam li kienu joqogħdu fihom il-Kavallieri waqt li kienet qed tinbena l-Belt Valletta.
Kien biss fl-elf, seba’ mija, wieħed u erbgħin li Kastilja trasformat ruħha f’esebizzjoni ta’ patrimonju Malti.
Iżda d-dehra ta’ barra mhijiex l-unika ħaġa li ssawwar lil Kastilja f’attrazzjoni storika. Fost oħrajn, hemm dik li llum insejħulha l-Kamra tal-Kabinett.
Spjega, “Għandek sett ta’ pitturi, ta’ portraits, ta’ Prim Ministri ta’ Malta allura fl-istess ħin, għandek min għamel lil Malta. Il-Prim Ministri li qed jirrappreżentaw lill-poplu għax jiġu eletti u allura fl-istess ħin hemmhekk għandek l-istorja ta’ Malta in the making u meta tirrifletti li min ikun fil-kabinett għandek dawn il-portraits, għandek dawn il-missirijiet ta’ Malta qablu flimkien, ma qablux, illietikaw, iddibattew imma ħolqu n-nazzjon li għandna llum.”
Liem wieħed minn missirijietna ddeċieda li Kastilja għandha tkun l-uffiċċju tal-Prim Ministru?
Qal, “Mintoff iddeċieda ftit xhur wara illi tela’ fil-wieħed u sebgħin illi juża’ Kastilja bħala l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġaladarba l-Ingliżi kienu bdew biex jitilqu.”
Qabel tlaqna, Magro Conti ħalliena bi ħsieb wieħed biss dwar din il-Berġa.
Temm jgħid, “Eżempju tajjeb ta’ kif binja antika jekk tieħu ħsiebha, kemm tista’ tużaha, jekk kien hawn il-kavallieri, l-Franċiżi, l-Ingliżi u aħna l-Maltin, baqgħet tintuża.”