Ftit tal-jiem ilu tfajla li ħalliet kumment negattiv fuq appartament li kriet flimkien ma’ sħabha ġiet ordnata mill-Qorti tagħti €200 f’danni morali lill-kumpanija.
Dan wara li l-istess Qorti kkonkludiet li l-kumment tat-tfajla ħalla impatt negattiv fuq in-negozju tal-kumpanija.
Kumment li skont l-Imħallef Lawrence Mintoff ma kienx speċifiku biżżejjed dwar l-esperjenza tal-klijenta u li wera żvog inaċċettabbli dwar l-esperjenza tagħha.
Dwar dan il-każ u oħrajn simili li jistgħu jfeġġu fil-futur, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandiera u r-Ristoranti Andrew Agius Muscat.
Huwa sostna kif iż-żieda fl-użu tat-tekonoloġija żied l-impatt li jista’ jkollhom il-kummenti online fuq in-negozju tal-kumpaniji jew stabbiliment.
“Norbotha mal-mod kif ngħixu llum il-ġurnata. Kif għidna hemm numru ta’ apps numru ta’ sites apposta speċjalizzati li joffru informazzjoni dwar postijiet, kemm lukandi, hotel, taxis. Eżempju naraw ukoll apps dwar taxis u d-drivers tagħhom. L-opinjoni ta’ min qed juża dik it-taxi u d-driver li jkun qed isuqu.”
Tkellimna wkoll ma’ Matthew Pace, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni li tirrapreżenta s-sidien tal-istabbilimenti tal-Catering.
Huwa tenna r-realtà ta’ cyber bullying permezz ta’ dawn il-kummenti, mhux bilfors ġenwini, li jaffaċċjaw fost oħrajn is-sidien tar-risotranti.
“Naħseb il-pubbliku inġenerali jrid jagħti iktar widen lis-sidien tal-istabbilimenti għax xi kultant inħossu li bħala sidien ta’ restaurants ikun hemm qisu daqxejn antagoniżmu lejn is-sid tal-istabbiliment jiġifieri dak li jkun qisu they jump to conclusions. Allura wieħed tajjeb jelobara u jiżen il-fatti qabel jikkumenta u jibblogja l-konklużjonijiet għaliex fl-aħħar mill-aħħar restaurant owner għandu l-għejxien tal-familja tiegħu.”
Intant l-Avukat Ishmael Psaila saħaq li filwaqt li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu mħarsa, wieħed m’għandux jieħu vantaġġ bi skop malinn.
“Dan ma jfissirx li klijent ma jistax jesprimi ruħu jew juri disapprovazzjoni tieħu għas-servizz li jkun ingħata għax dak huwa dritt tiegħu. Madankollu bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja dan irid isir billi jkun hemm bilanċ, jekk wieħed jesprimi ruħu u jgħid għaliex ma kienx sodisfatt jispjega għalfejn u ovvjament ma ssirx bl-intiża li ssir ħsara u mhux kritika ġustifikata.”