Is-Sibt filgħodu ONE News żar waħda mill-għelieqi ta’ Manuel Peresso fl-Imtaħleb, dan wara li kien proprju ftit tal-jiem ilu li ġejna mgħarrfin li hemmhekk jiġi mkabbar ir-ross, l-unika għalqa f’pajjiżna.
Normalment dawk kollha li jikkunsmaw ir-ross, dan ikun produzzjoni ta’ barra minn xtutna, iżda anke jekk din hija l-unika għalqa f’Malta li tkabbar ir-ross, wieħed jista’ jikkonsma dan ir-ross lokali.
Manuel qalilna li din l-għalqa ilha proprjetà tiegħu u tal-familja tiegħu mis-sittinijiet, iżda kienet bi qbiela ma’ erba’ familji oħra, li ġew mogħtija kumpens biex b’hekk l-art saret kompletament tiegħu.
“Minn din iż-żona kollha sibna żoni fejn ħsibna li jkun tajjeb li nkabbru ross, forsi jkollna ċ-ċans li mmorru narawhom, ir-ross jibda jinżera għal-ħabta ta’ Lulju, Lulju imbagħad qisu jagħmel Lulju, Awwissu, Settembru, Ottubru u Novembru jibda jinqata’.’’
Manuel Peresso, ikabbar ir-ross f’Malta
Manuel qalilna meta ġietu f’moħħu l-idea sabiex jibda jkabbar ir-ross f’pajjiżna, kien hemm min qatalu qalbu, iżda bl-għajnuna ta’ bosta irnexxielu.
“Forsi f’Ġunju, f’Mejju, imbagħad bdejt nara minn fejn ser insib iż-żerriegħa, ħabib tiegħi ċertu Neville Agius minn Ħ’Attard ġabli ż-żerriegħa minn Sardinja, ġabli diversi tipi, assolutament ma kelli l-ebda esperjenza imma llum grazzi għal YouTube u grazzi għal daż-żewġ aħwa, Phan u Dipak għinuni biex dak li nies qaluli impossibbli li tkabbar ir-ross f’Malta, sar possibbli.”
Manuel Peresso, ikabbar ir-ross f’Malta
Phan, wieħed mill-aħwa li huma ħaddiema ta’ Manuel, li kienu strumentali fil-proċess ta’ din il-produzzjoni, spjegalna fil-qasir il-proċess ta’ kif jiġi magħmul ir-ross. Huwa qalilna li r-raba’ tibda tiġi preparata 24 siegħa qabel u l-proċess jibda billi ż-żerriegħa titqiegħed ġol-ilma u titgħatta b’biċċa drapp.
“And after 25 hours and you can find the small .. and after you have to put it on the land, and you have to just cover only with compost and after 1 week you have to see, you can see the rice is growing.”
Phan, Ħaddiem
Huwa qalilna li l-proċess jibda jiġi fi tmiemu wara 20 jew 25 ġurnata fejn imbagħad ir-ross jiġi mħawwel fir-raba’. Ħuħ Dipak min-naħa tiegħu spjegalna t-tipi differenti ta’ ross li flimkien ma’ Manuel u ħuh irnexxielhom jipproduċu.
Manuel temm jgħidilna li dan kollu assolutament ma jagħmlux biex jaqla’ l-profitt, u hawnhekk stajna ninnotaw il-qalb tajba ta’ dan ir-raġel.
“Nagħtu kollox lill-istituti hawnhekk assolutament ma jinbiegħ xejn, nagħtu xi ħaġa lill-familja, xi kull daqqiet il-familja qishom ħa jagħmlulek pjaċir biex jeħdulek xi ħaġa però 90 fil-mija joħorġu għall-istituti, nippakkjawhom, ntuwhom id-deliveries u nagħmlu kollox b’xejn.’’
Manuel Peresso, ikabbar ir-ross f’Malta