Kien il-wieħed u għoxrin ta’ Ottubru tal-elf disa’ mija u disgħa sittin, meta uffiċjalment inqatgħet iż-żigarella tal-ftuħ tal-Lukanda, Mellieħa Bay li tinsab fuq ir-riħ tal-bajja pittoreska tal-Għadira.
Nofs seklu wara, il-kumpless li raqdu fih eluf ta’ turisti mill-erbat irjieħ tad-dinja, għalaq il-bibien tiegħu biex fi żmien tliet snin jinbidel f’lukanda ta’ ħames stilel li għandha tilqa’ l-aspettazzjonijiet li qegħdin ifittxu t-turisti tal-lum.
L-aħbar ingħatat il-Ġimgħa u ħasdet lil bosta inkluż Maltin li ta’ kull sena kienu jqattgħu xi jiem ta’ mistrieħ f’dan il-kumpless li joffri veduti mill-isbaħ tal-bajja tal-Mellieħa/
Crew ta’ ONE NEWS żar din il-lukanda fl-aħħar jum li fih middu rashom l-aħħar turisti. B’nostalġija tkellimna ma’ wħud mill-erbgħin ħaddiem li qattgħu ħajjithom f’din il-lukanda fosthom Joe Vella, ħaddiem li jiftakar il-lukanda titwieled.
Bi tbissima qalilna li fiha ra kważi minn kollox.
Qal li wara snin twal ta’ ħidma, issa wasal iż-żmien li anke hu jfittex il-mistrieħ!
Iżda xewqtu hi li jibqa’ ħaj sakemm jerġa’ jaraha bil-bibien miftuħa.
Iċ-Chairman tal-kumpanija Brian Mizzi, irrakontalna kif nannuh Spiru Mizzi fettillu jiftaħ din il-lukanda.
Mizzi qal kif “Darba minnhom kont qiegħed fuq il-boat u nara il-yatch tan-nannu tiegħu, Spiru Mizzi dieħel mill-bajja u tefa’ ankra eżatt hawnekk quddiem il-hotel ovvjament dakhinar għelieqi biss kien hemm jiena mort biex ngħidilhom hello u qaluli nitla’ u kienu qegħdin hemmek is-Sur Albert Mizzi, il-papa tiegħu s-Sur Johnny Mizzi, Spiru Mizzi u Lord Thompson u kienu qed jipjanaw biex jibnu din il-hotel.”
Mistoqsi dwar il-pjan tagħhom, is-Sur Mizzi qalilna li l-uniku soluzzjoni biex jibqgħu kompetittivi kienet li jwaqqgħu u jibnu mill-ġdid biex jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-lum
Spjega kif “Wara li għamilna ċertu studji wasalna fil-konklużżjoni li l-unika mezz hija illi l-hotel taqa u terġa tinbena bħala resort ta’ 5 stars fejn tkun attraenti għat-truiżmu u għan-nies tas-snin li ġejja.”
Is-Sur Mizzi qal li l-kumpanija qabbdet lill-Perit Edwin Mintoff u lill-kumpanija internazzjonali HKS li tispeċjalizza f’disinji ta’ lukandi rinomati biex twaħħad il-viżjoni tagħhom li waqt li joħolqu kunċett turistiku ta’ ħames stilel, fuq kollox jirrispetta wieħed mill-isbaħ siti f’Malta li jagħti għal fuq il-bajja tal-Għadira.