“Konna qed indaħħlu x-xogħol lura ‘l ġewwa biex immorru d-dar meta seħħet l-isplużjoni.”
Hekk sostna l-President tal-Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar ta’ San Ġwann, Frans Xuereb f’kumment li ta lill-midja.
Spjega li kien għall-ħabta tat-15:15 li ġie mgħarraf li seħħet splużjoni fil-kamra tan-nar fin-Naxxar u li kien hemm seba’ persuni, b’tnejn minnhom ittieħdu l-isptar b’ambulanza.
Ġuvni ta’ 15-il sena rrakkonta kif waqt li kien qed jgħalef liż-żwiemel tiegħu, kif jagħmel is-soltu, ħasdu ħoss kbir li rriżulta li kien ġej mill-isplużjoni.
Sostna li flimkien ma’ sieħbu mar fuq il-post biex jara x’kien ġara u sar jaf li diġá kienet saret telefonata fosthom lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u kif ukoll tim mediku biex jassisti lill-midruba.