Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech reġa’ kkonferma li jwiegħed bla pjan.
Mal-Independent, Bernard Grech wiegħed li jekk jitla’ fil-Gvern, jixtri l-artijiet f’Ħondoq ir-Rummien iżda għal darba, darbtejn, il-Partit Nazzjonalista ma jafx kemm tiswa l-art.
Wara li staqsejna lil Kap, u qalilna li ma jafx kemm tiswa l-art, f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ambjent is-Sibt filgħodu, il-Partit Nazzjonalista reġa’ ma kienx jaf kemm tiswa l-art, konferma li l-Partit Nazzjonalista jaqbad iwiegħed iżda m’għandux pjan ta’ kif se jwettaq dak li jkun wiegħed.
Il-ġurnalist ta’ ONE staqsa, “Kemm tiswa Ħondoq ir-Rummien,kemm qed tbassru li tixtruha Ħondoq ir-Rummien bħala Partit Nazzjonalista? Semmejt prezz xieraq, għalikom x’inhu prezz xieraq?”
Id-deputat Chris Said wieġeb, “Ovvjament din hija mistoqsija li ONE qed jagħmlu u bir-raġun” u qal ukol, “Il-PN mhux hekk qed jgħid, art privata li għandha prezz.”
Kien Gvern Nazzjonalista li fl-2006 biddel il-liġi bil-għan li l-art tal-Ħondoq tiġi żviluppata għal għanijiet kummerċjali u turistiċi.
Dan wara li kien fl-2002 li nbiegħet l-art.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ukoll ma jafx kemm tiswa l-art li wiegħed li se jixtri fil-Ħondoq u meta mistoqsi b’mod ċar, kif jista’ jwiegħed l-affarijiet mingħajr ma jkun jaf id-dettalji, Bernard Grech insista li dan mhux importanti.
“Jekk wegħdtha nimmaġina li taf kemm tiswa? Mhux fl-ajru. Nimmaġina li tagħmel il-costing”, staqsa l-ġurnalist ta’ ONE.
“Serraħ rasek. Wiegħda nkunu nafu x’qed ngħidu”, wieġeb Grech.
Il-ġurnalist qal, “Qas taf kemm hi” u Grech wieġeb, “Inkunu nafu Colin.”