Fl-aħħar ħinijiet qamet kommossjoni fuq il-vapur t’Għawdex hekk kif hu mifhum li qraba tal-vittma, li l-Pulizija qalet li nqatlet billi ġiet fgata f’Għajnsielem, ressqu qrib l-akkużat.
Jidher li qraba tal-vittma lemħu l-karozza tal-pulizija bl-akkużat, li se jiġi mixli bil-qtil tal-mara bl-isem ta’ Rita Ellul.
F’dan il-mument, nies fuq il-vapur qalulna li xi qraba tal-vittma marru qrib l-akkużat u kien hawn li qamet il-kommossjoni.
Il-pulizija kellha żżomm xi qraba tal-vittma milli jersqu qrib l-akkużat li huwa mill-Ghana.
Għall-ħabta tas-1:30pm, persuna se titressaq il-Qorti t’Għawdex mixlija bil-qtil ta’ Rita Ellul ta’ 49 sena.
Il-każ ħa żvolta oħra lbieraħ waranofsinhar, hekk kif riżultat tal-awtopsja, il-Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju.
Dan hekk kif l-awtopsja kkonkludiet li l-mara mietet fgata.